Pulizija Jsalva L-Ħajja Ta’ Tifla Ta’ Sentejn LI Kienet Qed Tifga
Azzjoni f’waqtha minn kuntistabbli wasslet biex tiġi salvata l-ħajja ta’ tifla ta’ sentejn, li kienet qiegħda tifga fid-dar tal-ġenituri tagħha fir-Rabat.
Il-każ seħħ it-Tnejn filgħaxija, għall-ħabta tas-sebgħa, waqt li l-Pulizija tal-Komunità Andrew Caruana kien qiegħed fuq ronda bil-pass, fi Triq San Publiju. Kien hawn li Caruana sema’ kommossjoni ġejja minn residenza privata u għalhekk ħabbat il-bieb, identifika ruħu bħala pulizija u daħal.
Hemmhekk sab tifla li dehret qed tbati biex tieħu n-nifs u nduna li kienet qiegħda tifga f’xi ħaġa u beda jagħtiha l-ewwel għajnuna, sakemm minn ħalqha ħarġet biċċa laħam.
It-tifla dehret li bdiet tirkupra mill-ewwel però xorta ttieħdet għand tabib għall-osservazzjoni. Iżjed tard, il-Kuntistabbli Caruana ġie infurmat mill-familjari li t-tifla tinsab f’qagħda tajba u li grazzi għall-azzjoni immedjata tiegħu, ġiet salvata l-ħajja ta’ binthom.
https://www.facebook.com/themaltapoliceforce/videos/1067266300397644/