Riġenerazzjoni Għall-Villaġġ Pittoresk Ta’ Marsaxlokk B’Investiment Ta’ €5M
Wara snin ta’ telqa u abbandun, il-Gvern nieda pjan ta’ riġenerazzjoni għall-villaġġ pittoresk ta’ Marsaxlokk bil-għan li jindirizza l-ħtiġijiet infrastrutturali b’mod sħiħ u sostenibbli li qiegħed ikompli jimmaterjalizza bi proġett fil-parti magħrufa bħala “Il-Magħluq”.
Il-proġett, stmat li se jkun jiswa madwar €5 miljuni, huwa ffinanzjat mill-Ministeru għat-Turiżmu, u l-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) se tara li dan il-proġett ikun esegwit f’14-il xahar.
Il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC Gino Cauchi qal li qabel bdew ix-xogħlijiet f’Tal-Magħluq, il-korporazzjoni pparteċipat f’taħditiet biex tikkunsidra l-esiġenzi kollha tal-komunità u l-istakeholders.
Ix-xogħol jinkludi servizzi ġodda li se jgħaddu minn taħt l-art, inkluż sistema ġdida ta’ drenaġġ b’pompa ġdida u ġeneratur, investiment li se jsolvi l-problema li jfur id-drenaġġ fil-baħar, sistema tal-elettriku ġdida u adekwata li se tgħin lill-istabbilimenti taż-żona, tindif tal-wires minn mal-faċċati u sistema ġdida ta’ dwal.
Il-proġett jinkludi wkoll faċilitajiet adekwati għal sajjieda li jużaw irmiġġi fiż-żona, sistema ġdida għall-andament tat-traffiku, żoni pedonali u pavimentar taż-żona kollha biex tingħaqad mal-pjazza ta’ Marsaxlokk li hi diġà pavimentata. Il-pjanijiet raw li jitħalla l-ispazju meħtieġ biex is-sajjieda jwettqu l-attivitajiet tagħhom, filwaqt li se jiġi organizzat ukoll aħjar il-parkeġġ.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li x-xogħol mhux qed isir b’mod superfiċjali, iżda jinkludi xogħlijiet mill-qiegħ anke fuq is-servizzi, li se jiġu mgħoddija minn taħt l-art favur dehra isbaħ. Il-proġett jinkludi wkoll faċilitajiet adekwati għas-sajjieda.
Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet li l-proġett f’Tal-Magħluq huwa estensiv ħafna li mistenni jwassal biex din il-parti tinbidel sostanzjalment fid-dehra tagħha. Qalet li s-sena li għaddiet il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir ingħatat l-inkarigu għall-implimentazzjoni tal-proġett.