Sidien Ta’ Żu F’Malta Ma Jaqblux Mal-Proposta Dwar Tmellis Ta’ Annimali Slavaġ

 Sidien Ta’ Żu F’Malta Ma Jaqblux Mal-Proposta Dwar Tmellis Ta’ Annimali Slavaġ

Numru ta’ sidien ta’ żu f’Malta semmgħu leħinhom wara li lbieraħ intqal kif inħarġet proposta biex issir emenda fil-liġi biex sidien ta’ żu ma jkunux jistgħu jħallu lil min iżur iż-żu tagħhom, imiss annimali selvaġġi.

Din il-liġi ntlaqgħet tajjeb ħafna minn bosta persuni li għandhom l-annimali għal qalbhom u li jitkellmu favur id-drittijiet tal-annimali, fejn tennew kif din missha daħlet qabel hekk kif annimal mhuwiex oġġett u m’għandux jiġi mpoġġi f’għajn il-pubbliku bħala oġġett li jista’ jinġarr qishu baskett.

Intant sid ta’ żu fis-Siġġiewi, L-Arka ta’ Noe,, magħruf sew kemm jitkellem fuq att ta’ suġġetti oħra, Anton Cutajar, reħilha kontra l-Gvern u din il-proposta ġdida f’filmat jaħraq li xerred fuq il-profil tiegħu fuq Facebook.

Cutajar, b’vuċi għolja u deher emozjonat, qal kif din il-proposta m’hi xejn ħlief aġenda kontrih min-naħa tal-Gvern u mhux maħluqa biex tħares l-interess tal-annimali.

Minn hemm hu beda jħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu biex jiffirmaw petizzjoni li tgħid li l-Gvern għandu jneħħi l-proposta li ma tħallix persuni jmissu annimali selvaġġi f’kwalunkwe żu.

Intant żu ieħor fl-Imtaħleb ilmenta wkoll għal mod kif ittieħdet din id-deċiżjoni fejn spjega kif mhux sew li toħroġ proposta bħal din u bl-ebda mod ma jsiru kkonsultati s-sidien.

Spjega kif qabel titressaq proposta, il-Gvern għandu jitkellem ma’ dawk li huma affettwati direttament u jisma’ u jara l-ħidma kif ukoll il-bżonnijiet u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom, b’mod partikolari kif qed ifendu fi żminijiet fejn kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom kawża tal-Covid-19.

Il-pubbliku għandu sas-27 ta’ dan ix-xahar biex iressaq il-proposti tiegħu għal-liġi l-ġdida dwar il-protezzjoni tal-annimali.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com