Smajtu bl-EPALE? Aqra U Informa Ruħek

 Smajtu bl-EPALE? Aqra U Informa Ruħek

Hija pjattaforma elettronika għat-tagħlim għall-adulti fl-Ewropa.

EPALE hija komunità ta’ sħubija Ewropea, multilingwi u miftuħa ta’ professjonisti għat-tagħlim għall-adulti, inklużi edukaturi għall-adulti u min iħarreġ l-adulti, staff ta’ gwida u appoġġ, riċerkaturi u akkademiċi, u dawk li jfasslu l-politika. L-EPALE hija ffinanzjata mill-programm Erasmus+. Din hija parti mill-istrateġija tal-Unjoni Ewropea biex tippromwovi iktar opportunitajiet ta’ tagħlim, u aħjar, għall-adulti kollha.

EPALE għandha xi ħaġa għal kull min jaħdem fis-settur tat-tagħlim għall-adulti. Kull pajjiż fl-Unjoni Ewropea għandu servizz nazzjonali ta’ Appoġġ. F’Malta dan l-irwol jsir Direttorat għar-Riċerka, it-Tagħlim Tul il-Ħajja u l-Impjegabbiltà fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol. Kull pajjiż , inkluż Malta għandu numru ta’ ambaxxaturi li jaħdmu biex jżidu l-għarfien dwar din il-pjattaforma.

EPALE toffri numru ta’ opportunitajiet u tinkludi għodda li jistgħu jkunu ta’ għajnuna waqt ħidma differenti fil-qasam tat-tagħlim tal-adulti. Kull persuna li tirreġistra tista tagħti kontribut f’oqsma diffferenti tal-pjattaforma.

  • Kommunitajiet ta’ prattika- Il-komunitajiet tal-prattika huma gruppi onlajn fejn jistgħu jingħaqdu flimkien nies b’interessi simili mis-settur tat-tagħlim għall-adulti.
  • Aħbarijiet- Tista’ taqra aħbarijiet differenti u żżomm lilek innifsek infurmat dwar l-aħħar żviluppi u xejriet fl-edukazzjoni għall-adulti.
  • Kalendarju tal-vvenimenti- Dan jinkludi avvenimenti maġġuri tat-tagħlim għall-adulti kif ukoll l-opportunitajiet ta’ taħriġ u l-konferenzi minn madwar l-Ewropa kollha li huma mmirati lejn il-professjonisti tat-tagħlim għall-adulti. Inti ukoll għandek l-opportunita li tissuġġerixxi avveniment marbut ma xi proġett, konferenza, taħriġ etc…
  • Imsieħba għall-proġetti- Opportunita biex tfittex organizzazzjonijiet u individwi li jkunu qegħdin ifittxu li jiddiskutu ideat, jiskambjaw prattiċi tajbin u jsibu sieħba għal proġetti ffinanzjati.
  • Diskussjonijiet- EPALE toffrilek opportunità unika biex taqsam il-fehmiet tiegħek u tiskambja l-ideat.
  • Artikli- Għandek l-opportunita li tikteb artikli dwar suġġetti relatati mat-tagħlim għall-adulti. It-temi prinċipali huma appoġġ għall-istudent, ambjenti ta’ tagħlim, ħiliet għall-ħajja, politika u kwalità.
  • Ċentru tar-riżorsi- Għandek l-opportunita li tikkontribwixxi u anke tuża riżorsi dwar temi differenti, mingħajr l-ebda ħlas.
  • Studji tal-każijiet- Tista’ ssib eżempji ta’ prattika tajba u studji tal-każijiet minn proġetti ta’ tagħlim għall-adulti minn madwar l-Ewropa.

Ir-reġistrazzjoni tista ssir permezz ta’ https://epale.ec.europa.eu/mt/user/register. Il-proċess  huwa qasir u jinkludi l-isem, kunjom, pajjiż, username u indirizz tal-posta elettronika .

Għall-aktar informazzjoni, tista żżur il-paġna fuq Facebook Adult Learning in Malta (https://www.facebook.com/EPALE.MT ) jew tibgħat posta elettronika fuq [email protected]

 

(Dan huwa artiklu ta’ kollaborazzjoni flimkien ma’ Ramon Mangion – Ambaxxatur fi ħdan l-EPALE għal Malta)

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com