Stħarriġ Tal-Eurobarometer Juri Fiduċja Qawwija Fil-Gvern U L-Mod Kif Mexxa Waqt Il-Pandemija

 Stħarriġ Tal-Eurobarometer Juri Fiduċja Qawwija Fil-Gvern U L-Mod Kif Mexxa Waqt Il-Pandemija

Stħarriġ tal-Eurobarometer li għamlet il-Kummissjoni Ewropea fit-tieni nofs ta’ Lulju li għadda jikkonferma kif, minkejja l-pandemija, f’pajjiżna fl-aħħar xhur xorta hawn livell tajjeb ta’ ottimiżmu u fiduċja.

L-istħarriġ jindika li 58% tal-poplu jafda fil-gvern, kontra 40% fil-bqija tal-Unjoni Ewropea.

Il-proporzjon ta’ Maltin u Għawdxin li jafdaw il-gvern żdiedet b’7% imqabbla mal-istħarriġ li kien sar f’Novembru tal-2019. B’kuntrast, il-Eurobarometer jindika li l-fiduċja tal-poplu fil-media naqset għal 21%, l-anqas livell ta’ fiduċja fl-UE.

92% tal-Maltin u Għawdxin qalu li huma kuntenti bil-miżuri li ħa l-gvern biex jikkumbatti l-pandemija. Dan kontra medja ta’ 62% fl-UE. Il-gvern Daniż biss kellu riżultat aħjar minn dak tal-gvern Malti. 41% ta’ dawk intervistati f’Malta jemmnu li kien hawn bilanċ tajjeb bejn il-bżonn tal-qasam tas-saħħa u dak ekonomiku, filwaqt li 41% jaħsbu li hemm bżonn aktar attenzjoni għall-aspett ekonomiku. Kważi kwart jemmnu li sa tmiem l-2021 l-ekonomija Maltija tkun irpiljat, kontra wieħed minn kull ħamsa fl-Unjoni Ewropea. Fl-Olanda biss hemm proporzjon aktar li temmen f’irkupru daqshekk malajr.

Malta hija wieħed mill-ftit pajjiżi fl-UE fejn il-maġġoranza ta’ dawk intervistati jemmnu li l-pajjiż sejjer f’direzzjoni tajba. 52% ta’ dawk intervistati sostnew li jemmnu li l-affarijiet f’pajjiżna sejrin fid-direzzjoni t-tajba, b’kuntrast għar-rata medja ta’ 36% madwar il-pajjiżi tal-UE. Il-proporzjon f’Malta f’Lulju 2020 kienet kważi d-doppju ta’ dak fi tmiem l-2012, u 13% aktar mill-istħarriġ li kien sar f’Novembru tal-2019.

Minkejja l-pandemija, 60% ta’ dawk intervistati f’Malta qalu li l-ekonomija sejra tajjeb, kontra 34% madwar l-UE.

73% tal-familji f’pajjiżna sostnew li l-qagħda finanzjarja tagħhom hija tajba, filwaqt li 53% tal-Maltin jemmnu li l-qasam tal-impjiegi sejjer tajjeb. Barra minn hekk, 34% ta’ dawk intervistati sostnew li jistennew li s-sitwazzjoni ta’ pajjiżna ser titjieb fis-sena li ġejja, kontra 20% li sostnew hekk madwar l-Unjoni Ewropea.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com