“Tal-Mistħija,Tal-Biki Wkoll… Il-Kunsill Tan-Naxxar Ukoll Talab Art Ċkejkna Imma…” – Is-Sindku Tan-Naxxar
“Tal-Mistħija… tal-biki wkoll”, hekk kitbet is-Sindku tan-Naxxar Annemarie Muscat Fenech Adami fuq facebook b’riferenza għat-talba li l-Kunsill Naxxari għamel lill-Gvern biex tingħatalu biċċa art żgħira madwar il-Mitħna tal-Għaqba u li din it-talba ġiet miċħuda.
Is-Sindku tan-Naxxar ikkomparat dan il-każ mal-għotja tal-Miżieb li saret ilbieraħ, fejn tenniet li l-art li l-Kunsill tan-Naxxar talab, hija 500 darba iżgħar.
Ritratt: Naxxar Local Council
Sostniet li din l-art li ntalbet kien hemm bżonnha biex tinbidel f’post għall-kwiet u r-rilassament mill-pubbliku fejn bħalissa qed tiġi rrestawrata l-mtiħna storika magħrufa bħala tal-Għaqba b’mijiet ta’ eluf ta’ ewro.
“Minflok, meta l-kuntratt kien fadallu aktar minn tliet xhur biex jiskadi, hekk kif il-Kunsill talab li tkun mgħoddija lilu, il-Gver,n mingħajr l-ebda forma ta’ risposta lill-Kunsill, u minn wara dahrna reġa’ ġedded il-kuntratt lill-privat għal 16-il SENA OĦRA! TAL-MISTĦIJA!!!”, kitbet Annemarie.
Staqsiet: “Għaliex il-Gvern webbes rasu, għamilna talba ħafna inqas; tlabna madwar 100m kwadrati kemm il-mitħna jkollha buffer zone ta’ 4m biex tkun protetta…u baqa’ ma jridx jgħaddilna l-art!! TAL-MISTĦIJA!!” , filwaqt li tenniet li tixtieq spjegazzjoni minn ministru tal-gvern.