Tlieta Arrestati Fil-Belt B’Rabta Ma’ Droga
Tliet persuni ġew arrestati wara li lbieraħ filgħaxija nstabu fil-pussess ta’ droga waqt rondi li kienu qegħdin jagħmlu l-Pulizija tad-Distrett tal-Belt, f’diversi inħawi tal-Belt Valletta u l-Floriana.
Kienu għall-ħabta tas-sebgħa u għoxrin ta’ filgħaxija, xħin il-Pulizija ġew infurmati biex jassistu fi Ġnien Hastings minħabba rapporti ta’ storbju. Il-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post u waqt li bdew ikellmu lin-nies qam suspett f’żewġ żgħażagħ.
Il-Pulizija avviċinathom u waqt li bdew ikellmuhom, wieħed prova jaħrab iżda twaqqaf mill-ewwel.
Għaldaqstant, il-Pulijza għamlu tfittxija fuq iż-żewġ żgħażagħ fejn fuq żagħżugħ ta’ 19-il-sena minn Santa Venera nstabu żewġ pakketti b’sustanza suspettat cannabis, crusher u oġġetti oħra relatati mal-użu tad-droga.
Fuq iż-żagħżugħ l-ieħor, li wkoll għandu 19-il sena u joqgħod San Ġiljan, instabu seba’ pakketti b’sustanza suspettata cannabis, crusher, xafra żgħira u oġġetti oħra relatati mal-użu tad-droga, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.
Intant, waqt aktar rondi, il-Pulizija waqfet vettura li dehret suspettuża u li kienet qiegħda tinstaq minn raġel ta’ 28 sena.
Minn tfittxija li saret fil-vettura u fuq ir-raġel, il-Pulizija sabet sustanzi suspetti droga eroina u kokaina, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.
It-tliet persuni qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana għal aktar stħarriġ. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.