Xogħlijiet Biex Jitranġaw It-Toroq F’Ta’ Sannat B’Investiment Ta’ €1.2 Miljun
Waqt li kien qed iżur ix-xogħlijiet li qed isiru fit-toroq li jagħtu għad-daħla ta’ Sannat, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li wara li tlesta x-xogħol fuq Triq Sannat, issa qed tiġi upgraded il-junction li tgħaqqad ir-raħal ta’ Sannat ma’ diversi rħula oħra.Wara li tlestiet din it-triq prinċipali fis-Sannat ix-xogħlijiet issoktaw nirranġaw it-toroq ta’ madwarha b’mod partikolari l-junction ewlenija sabiex issa se jkollna arterja oħra prinċipali tal-ogħla livell”.
Il-ministru spjega li dan il-proġett ta’ tranġar u ta’ rikostruzzjoni tat-toroq b’valur ta’ €1.2 miljun se jwassal għal infrastruttura adekwata u għal titjib fl-immaniġġjar tat-traffiku f’din l-arterja li ta’ kuljum jgħaddu minnha għadd ta’ karozzi. Huwa qal li kellu jkun dan il-gvern biex iwettaq dan il-proġett infrastrutturali f’Ta’ Sannat u li permezz tiegħu se jkun aktar faċli u sigur għas-sewwieqa li jużaw dawn it-toroq.
Is-Sindku ta’ Sannat Philip Vella qal li dan il-proġett is-Sannatin kienu ilhom jistennewh 30 sena u rringrazzja lill-ministru tal-ħidma u tal-għajnuna finanzjarja sabiex is-Sannat qed jingħata l-infrastruttura li tixraqlu.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm billi fakkar li dawn it-toroq f’Ta’ Sannat jingħaqdu ma’ għadd ta’ toroq li dan il-gvern bena u rranġa f’diversi rħula madwar il-gżira u li kollettivament ilaħħqu l-miljuni ta’ ewro.