“Xokkanti Ħafna Kien Meta Sibt Sieq Sewda Li Kienet Mejta U bid-Dud” – Ian Vassallo Hagi f’Jum Il-Podjatrija
Fil-jum internazzjonali tal-podjatrija tkellimna ma’ Ian Vassallo Hagi…
Għaliex tkun iċċelebrata din il-ġurnata?
Illum it-8 ta’ Ottubru huwa Jum il-Podjatrija. Fiha niċċelebraw il-professjoni tagħna fejn aħna nieħdu ħsieb li nagħmlu dianjosi (diagnosi) u nagħtu trattament ta’ kundizzjonijiet relatati mas-sieq.
Din il-ġurnata niċċelebraw fiha dak li matul iż-żmien ħdimna għalih u nagħmlu promozzjoni dwar dak li naħdmu.
Illum noffru diversi kura f’oqsma differenti, fejn fost l-oħrajn nistudjaw is-sieq tat-tfal, dawk li jbatu minn kundizzjonijiet bħad-dijabete, artrite u oħrajn.
Messaġġ li qed nipprova nwassal bħalissa huwa biex avolja din is-sena hawn ħafna biża’ fuq il-pandemija u tajjeb li nżommu distanza u noqogħdu attenti, però xorta nieħdu ħsieb saħħitna u ma naqbżux appuntamenti jew nittratjenu biex nfittxu għajnuna għaliex jista’ jkun isir tard wisq. Sfortunatament rajna ħafna nies li ġew tard għal trattamenti din is-sena u spiċċaw biex saħansitra tilfu xi parti min saqajhom.
X’ħajrek biex tistudja fuq dan il-qasam?
10 snin ilu bdejt il-mixja f’din il-karriera fejn bdejt nistudja kors ta’ 4 snin f’livell ta’ BSc fl-Università ta’ Malta. Illum, wara li għamilt anke 3 snin oħra studju f’livell ta’ Masters, inħares lura u bi pjaċir inħossni kburi li għent ħafna nies jerġgħu jibdew jimxu, u jimxu aħjar.
Xi ħaġa interessanti hi, li ġibt dan l-interess minhabba każ personali fejn kont pazjent ta’ podjatrista oħra u mal-ewwel interessajt ruħi. Bħala xogħol għoġobni għax bih nkun qrib tan-nies u ngħinom iħossuhom ahjar fil-ħajja ta’ kuljum.
X’tip ta’ problemi tiltaqgħu magħhom f’ dan it-tip ta’ xogħol?
Il-problemi huma li ħafna drabi il-pazjent qisu bħal jinsa li jrid jagħti kura regolari f’saqajh u sfortunatament jiġi għandna meta jkun tard wisq.
L-akbar problemi komuni fil-pazjenti narawha l-aktar fil-ġilda u dawk ta’ uġieħ speċjalment minħabba li l-pazjent ma jkunx qed jimxi kif suppost jew juża żraben mhux tajbin. L-aktar mument xokkanti jkun kull darba li jkollna xi ħadd li rridu ngħidulu li se jitlef saqajh. Xokkanti ħafna kien meta sibt sieq sewda li litteralment kienet sieq mejta u bid-dud.
Problemi oħra li nsibu jinkludu li meta nqabblu ma’ professjonisti bħalna li jaħdmu fil-kumplament tal-Ewropa, avolja għandna livelli akkademoci li jħabbtuha magħhom, l-awtoritajiet Maltin għadhom ma jirrikonoxxux ċerti xogħlijiet li aħna kapaċi nagħmlu. Dan jista’ jiġri wkoll minħabba z-zokkor u problemi ta’ ċirkulazzjoni.
Ian Vassallo Hagi huwa podjatra li ġie elett ukoll bħala membru fil-FIP: International Federation Of Podiatrist u jservi fuq bord li jaħdem għall-podjatrija fl-Ewropa.
Ritratt: Facebook/ Ian Vassallo Hagi