15 Arrestati Fuq Ħasil Tal-Flus – Ikkonfiskati 36 Karozza, €60,000 U Ammont Kbir ta’ Ġojjelli
Xejn inqas minn 15-il ruħ, fosthom l-ex footballers Darren Debono u Jeffrey Chetcuti ġew arrestati mill-Pulizija bejn il-Ħadd u t-Tlieta li għadda minn diversi lokalitajiet b’rabta ma’ reati ta’ ħasil tal-flus.
Fi stqarrija, il-Pulizja qalet li ħamsa minnhom tressqu l-qorti u ġew mixlija b’reati ta’ flus. Huma qegħdin jinżammu arrestati fil-ħabs ta’ Kordin wara li ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest. Magħhom tressqu l-qorti wkoll 15-il kumpanija u ġew akkużati b’reati ta’ ħasil ta’ flus bil-qorti tordna l-iffriżar tal-assi kemm tal-persuni naturali kif ukoll dawk legali.
Il-Pulizija qalet li l-arresti saru wara xhur ta’ investigazzjonijiet intensivi mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Finanzjarji.
F’din l-operazzjoni l-Pulizija elevat 36 vettura, €60,000 fi flus kontanti, ammont konsiderevoli ta’ ġojjellerija u ħwejjeġ tad-ditta, apparat elettroniku li jinkludu fost oħrajn mobiles, kompjuters u servers u ammont kbir ta’ dokumenti li qed jiġu analizzati.
Dawn l-investigazzjonijiet qed jiġu kkordinati ma’ msieħba barranin, inkluż il-Europol, kif ukoll entitajiet Amerikani, Taljani u Ingliżi.
Il-Pulizija qalet li qed tippubblika din l-istqarrija wara li l-Qorti neħħiet divjett li kien hemm marbut ma’ wieħed mis-smiegħ ta’ dan il-każ u ghalhekk il-Korp issa huwa f’pożizzjoni li jipprovdi tali dettalji.