91% Tal-Istudenti Maltin Jużaw Il-Midja Soċjali Waqt L-Iskola
Skont l-aħħar rapport tal-ESPAD, li kull erba’ snin jistudja l-għarfien u l-użu tas-sustanzi fost iż-żgħażagħ madwar l-Ewropa 91% tal-istudenti Maltin ta’ 15 u 16-il sena jużaw il-midja soċjali f’xi ħin jew ieħor waqt il-ħin tal-iskola.
38% ta’ dawn jgħidu li jagħmlu użu minn xi pjattaforma soċjali għal aktar minn 4 siegħat waqt il-ħin tal-iskola f’ġimgħa sħiħa. L-ammont huwa wieħed konsiderevoli meta normalment studenti ta’ din l-eta’ jqattgħu bejn 6 għal 7 siegħat fil-klassijiet tal-kulleġġi Maltin.
L-istħarriġ jagħti ħarsa lejn numru ta’ dipendenzi li bħalissa qedgħin jaħkmu liż-żgħażagħ Maltin. L-istess rapport jgħid li 66% ta’ dawk li ipparteċipaw mhux talli jgħamlu użu mill-midja soċjali iżda jilgħabu logħob diġitali waqt il-ħin tal-iskola filwaqt li 13% isibu ħin jqattgħu aktar minn 4 siegħat jilgħabu xi logħoba diġitali waqt il-ħin tal-iskola.
F’Malta, l-istudju sar mill-Fondazzoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, u fih ipparteċipaw aktar minn tlett elef student.