Ara X’Ħa Jagħmlu 40 Fotografu Lokali Minn Għada…

 Ara X’Ħa Jagħmlu 40 Fotografu Lokali Minn Għada…

Il-55 edizzjoni tal-Kompetizzjoni u Esibizzjoni Nazzjonali tal-Fotografija li tiġi organizzata kull sena mill-Malta Photographic Society se tiftaħ nhar is-6 ta’ Novembru 2020 fis-sit tal-Malta Society of Arts, il-Palazzo de La Salle fil-Belt Valletta.

F’din il-wirja se jiġu esibiti ’l fuq minn 200 biċċa xogħol fotografika, ippreżentati minn madwar 40 fotografu lokali. Dan l-appuntament annwali, l-uniku wieħed f’pajjiżna, jattira għadd kbir ta’ fotografi lokali li jressqu l-aħjar xogħlijiet tagħhom biex jikkompetu għall-unuri mogħtija mis-Soċjetà tal-Fotografija. Wara li ssir il-kompetizzjoni, l-ogħla u l-aqwa xogħlijiet artistiċi jiġu aċċettati biex jiġu esibiti f’wirja prestiġġjuża li kull sena tattira bosta viżitaturi.

Sa mill-ewwel edizzjonijiet li jmorru lura għas-sena 1965, din il-kompetizzjoni u esibizzjoni saru avveniment annwali mhux biss għall-membri tal-Malta Photographic Society iżda wkoll għal dawk id-dilettanti u professjonisti tal-fotografija li jkunu qegħdin jistennew minn sena għall-oħra biex jipparteċipaw u jesibixxu l-aqwa xogħlijiet tagħhom.

Fil-wirja ta’ din is-sena, wieħed se jsib 90 ritratt iffrejmjat: 40 minnhom huma ritratti monokromatiċi u 50 oħra bil-kulur. It-tema tar-ritratti titħalla miftuħa, u għalhekk wieħed se jsib suġġetti varjati fosthom ritratti li juru l-persuna umana, in-natura, l-arkitettura, pajsaġġi lokali u internazzjonali, kif ukoll ritratti aktar kreattivi. Minbarra r-ritratti ffrejmjati, wieħed se jsib 124 ritratt ieħor li se jiġu pproġettati fuq skrin. Dawn ir-ritratti ġew magħżula minn disa’ membri ta’ ġurija esperta fil-qasam tal-fotografija, likellha biċċa xogħol iebsa biex tagħżel ir-rebbieħa f’kull kategorija u tagħżel dawk ir-ritatti li għandhom jiffurmaw parti mill-esibizzjoni.

L-aħjar xogħlijiet fl-erba’ kategoriji differenti ġew mogħtija l-midalja tad-deheb, tal-fidda u tal-bronż. Dawk ir-ritratti li kienu ta’ livell għoli ħafna u kien jistħoqqilhom ikunu fost ir-rebbieħa, ingħataw ċertifikat ta’ rikonoxximent. Ingħataw ukoll premjijiet lil dawk ir-ritratti magħżula bħala l-aqwa ‘portrait’, l-aqwa xenarju, l-aqwa ritratt ta’ natura, l-aqwa arkitettura u l-aqwa ritratt ‘still life’.

Din l-esibizzjoni se tkun miftuħa għall-pubbliku bejn il-Ġimgħa 6 ta’ Novembru u l-Ħamis 26 ta’ Novembru 2020, mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-9am u s-7pm u s-Sibtijiet bejn id-9am u s-2pm. Id-dħul huwa b’xejn, soġġett għall-miżuri kontra l-Covid-19.

Għal aktar dettalji dwar il-wirja żuru www.artsmalta.org jew www.facebook.com/maltasocietyofarts.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com