Bernard Grech: Jason Azzopardi Hu Politiku li Għamel Ħafna Ġid F’Malta U Bi Kwalitajiet Kbar

 Bernard Grech: Jason Azzopardi Hu Politiku li Għamel Ħafna Ġid F’Malta U Bi Kwalitajiet Kbar

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi huwa bniedem u politiku li għandu kwalitajiet kbar ħafna u li għamel ħafna ġid f’dan il-pajjiż.

Dr Grech qal dan f’kummenti li ta lill-ġurnalisti dalgħodu meta fost oħrajn ġie mistoqsija jgħid jekk kienx jaf li bil-mawra ta’ ħamest ijiem li Jason Azzopardi għamel fil-lukanda Hilton f’Tel Aviv, Iżrael, bil-kont tħallas mill-Grupp Tumas.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Partit Nazzjonalista hu partit ta’ azzjoni u mhux partit tal-paroli u tal-impunità. Qal li Jason Azzopardi talab hu stess li jissospendi lilu nnifsu mill-Partit Nazzjonalista u li jiġi investigat mill-organi tal-Partit Nazzjonalista. Qal li dawn l-organi qegħdin hemm biex jaħdmu u għalhekk sostna li sakemm tgħaddi din il-proċedura mhux se jkun qed jikkummenta aktar fuq il-każ.
Rigward il-kumplament tal-grupp parlamentari qal li saret talba biex il-Partit Nazzjonalista jkun jaf jekk hemmx deputati oħrajn li ħadu xi rigali b’xejn.

Meta mistoqsi jekk Azzopardi ntalabx jissospendei lilu nnifsu, il-Kap Nazzjonalista qal li jemmen fid-djalogu u ma jrid lil ħadd li jitwarrab jew jintrema.

“Irridu nifhmu li Dr Jason Azzopardi huwa bniedem huwa politiku li għandu kwalitajiet kbar ħafna huwa politiku li għamel ħafna ġid f’dan il-pajjiz huwa politiku li jinkwieta hafna lill-Partit laburista u ghalhekk nifhem l-attakk sostnut u kontinwat”, qal Grech.

Minkejja dan qal li hemm dawn il-proceduri li għandhom jimxu skont l-istatut tal-partit. Qal li rridu napprezzaw li minkejja kollox Jason Azzopardi xorta baqa’ bil-ġlieda tiegħu kontra l-korruzzjoni u ma ħalla lil ħadd jikkompromettih.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com