Bil-Filmat: Mat-8,000 Immigrant Jitwaqqfu Milli Jidħlu F’Malta
“Allaħares ma bnejniex relazzjonijiet ġodda mal-Libja minn Marzu ‘l hawn għax kieku s’issa waslu fostna iżjed minn 8,000 immigrant irregulari dis-sena”, hekk kiteb il-Ministru Evarist Bartolo fuq facebook.
Tenna li bejn Marzu sa Awwissu tal-2019 kellna 3,357 immigrant irregulari mentri bejn Marzu sa Awwissu ta’ din is-sena kellna 1,173 immigrant irregulari.
Intqal li fil-Mediterran, l-akbar żieda ta’ immigranti irregulari għal din is-sena kienet mil-Libja u t-Tuneżija, fejn kull rotta oħra kellha tnaqqis.
Bartolo kiteb ukoll li “Fir-rotta tal-Mediterran Ċentrali li tieħu mil-Libja u t-Tuneżija lejn Malta u l-Italja għaddew 20,600 dis-sena, tliet darbiet daqskemm għaddew is-sena li għaddiet. Aħna nintlaqtu l-iżjed mid-dgħajjes li jitilqu mil-Libja.”
Madanakollu, din is-sena waslu fostna inqas min-nofs tas-sena li għaddiet.
“Irresponsabbli min jgħid: ‘ħalli jiġu kemm iridu, imbagħad x’ħin jiġu nħajru lil sħabna fl-Unjoni Ewropea jieħduhom,” tenna l-Ministru Evarist Bartolo.