Bil-Filmat: Minn Vodafone Għal Epic
Illum, il-kumpanija tat-telekomunikazzjoni Vodafone Malta ħabbret l-isem il-ġdid tal-kumpanija wara l-akkwist tagħha minn Monaco Telecom lura f’April. L-isem Epic iniedi era ġdida għall-kumpanija, kif ukoll għas-settur tat-telekomunikazzjoni ta’ Malta.
Il-kumpanija ġdida wegħdet li twassal esperjenza epika billi tgħaqqad żewġ elementi b’saħħithom: network avvanzat u valur mill-aqwa. Qalet li dan huwa rifless fit-‘tagline’ tal-kumpanija: l-Aqwa Network. L-Aqwa Valur.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-kap eżekuttiv Tamas Banyai introduċa l-erba’ pilastri ta’ bidla: it-tariffi, l-infrastruttura, l-espansjoni tal-portafoll ta’ servizzi u l-esperjenza tal-klijent.
Epic ħabbret pjanijiet ta’ tariffi ġodda u għall-ewwel darba f’Malta, it-tariffi ‘unlimited’ m’għadhomx marbutin ma’ kuntratti ta’ 24 xahar. L-offerti tat-top-up ser jinkludu d-doppju tal-voice, SMS u data versus pakketti simili minn operaturi oħra għall-istess prezz. Il-pjanijiet ‘unlimited’ issa huma estiżi għat-tariffi tal-intrapriżi.