Jitnieda Helpline Għal Persuni B’Diżabbiltà

 Jitnieda Helpline Għal Persuni B’Diżabbiltà

Tnieda helpline għal persuni b’diżabilità u għall-familjari tagħhom li jkun jista’ jservi bħala punt ta’ referenza għal diversi mistoqsijiet u għal sfidi li jistgħu jiltaqgħu magħhom.

Dan il-helpline se jitħaddem minn sistema ċentralizzata minn Aġenzija Sapport. Din l-istruttura se tgħin biex tinġabar statistika aktar dettaljata u b’hekk tkun tista’ ssir evalwazzjoni aħjar tas-servizzi offruti.

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet li saret b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Familja, l-Aġenzija Sapport u servizz.gov.

Il-helpline se jkun aċċessibbli fuq in-numru 153 u din l-inizjattiva kienet imwiegħda bħala miżura tal-baġit għas-sena 2020.

Il-Ministru Michael Falzon qal li dan is-servizz se jkun ta’ benefiċċju kemm għall-familji kif ukoll għall-gvern, għax se jkun hemm stampa kompluta tax-xogħol li qed isir, x’hemm bżonn u l-pjanijiet għall-futur.

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal li dan l-ewwel helpline għal persuni b’diżabilità huwa importanti ħafna għal dawn il-persuni u għal qrabathom.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li l-kejl tas-suċċess tas-Servizz Pubbliku huwa kollaborazzjonijiet bħal tal-lum; il-helpline għal persuni b’diżabilità.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com