“Daqshekk Rajtek Għażiż Ħija…” Iħallina S-Sindku Ta’ Ħal Qormi
Tħabbret il-mewt tas-Sindku ta’ Ħal Qormi Renald Falzon wara li kien ilu għal dawn l-aħħar xhur jissielet għal ħajtu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei. Huwa kellu 46 sena u huwa l-iżgħar persuna li miet kaġun tal-Covid-19.
Fi stqarrija, il-Kunsill ta’ Ħal Qormi sellem lis-Sur Falzon u esprima s-sogħba mal-qraba tiegħu għal di it-telfa. “Grati għal dejjem għal dak kollu li Renald għamel għal-lokalità tagħn”, qal il-Kunsill.
Il-mewt ta’ Renald wasslet ukoll għar-reazzjoni ta’ ħuh Marco.
“Daqshekk rajtek għażiż ħija. L-aħħar nifs kellu jkun illum… Strieħ fis-sliem u sellili għal missieri”, temm jgħid Marco.
Il-mewt tiegħu ġabet ukoll reazzjoni mill-Qriema b’bosta jsellmulu għall-ħidma li wettaq kemm dan iservi fil-Kunsill Lokali.
Il-Partit Laburista jsellem il-memorja ta’ Renald Falzon
Fi stqarrija, il-Partit Laburista esprima s-sobgħa tiegħu għat-telfa ta’ Renald Falzon.
Renald ġie elett Kunsillier f’isem il-Partit Laburista fil-lokalità ta’ Ħal Qormi fl-2015. Fl-2019 huwa ġie elett bħala Sindku.
Il-PL qal li Renald kien ta’ eżempju għal ħafna fil-Partit Laburista. Huwa ħadem qatiegħ fi ħdan l-istrutturi tal-Partit kemm fuq livell lokali, distrettwali filwaqt li ta sehmu wkoll fl-elezzjonijiet lokali Nazzjonali.
Huwa se jibqa’ wkoll imfakkar għall-ħidma tiegħu fil-qasam volontarju ma’ diversi għaqdiet lokali.
Il-Partit Laburista sellem il-memorja ta’ Renald Falzon u ta l-kondoljanzi sinċiera tiegħu lil dawk l-aktar qrib tiegħu.