Edward Scicluna Nominat Għall-Gvernatur Tal-Bank Ċentrali

 Edward Scicluna Nominat Għall-Gvernatur Tal-Bank Ċentrali

Il-Gvern ta’ Malta jħabbar li se jaħtar lil Dr Mario Vella bħala Kummissarju Speċjali għar-Relazzjonijiet Ekonomiċi, Finanzjarji u ta’ Negozju mar-Renju Unit.

Dan fid-dawl li fl-1 ta’ Jannar 2021 se jkun qed jintemm il-perjodu tranżitorju ta’ Brexit u fir-Renju Unit jidħlu fis-seħħ regolamenti ġodda f’setturi differenti li jħallu impatt sinifikanti fuq pajjiżna.

Għaldaqstant, wara approvazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew biex issir din il-ħatra, Dr Vella se jkun qiegħed jirriżenja minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2020.

B’riżultat ta’ din id-deċiżjoni, il-Gvern qed jipproponi lill-Bank Ċentrali Ewropew li l-Professur Edward Scicluna jinħatar bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta. Għaldaqstant, biex ikun jista’ jibda dan il-proċess, il-Prof. Scicluna se jkun qiegħed jirriżenja minn Ministru għall-Finanzi fil-jiem li ġejjin, u minn deputat tal-Parlament Malti sal-aħħar tas-sena.

Il-Gvern jirringrazzja lill-Ministru Sciculna tax-xogħol impekkabbli li wettaq bħala Ministru għall-Finanzi fis-seba’ snin li għaddew biex, minn sitwazzjoni ta’ proċedura ta’ defiċit eċċessiv qabel l-2013, ġab lill-pajjiżna bl-aqwa ekonomija fl-Ewropa. It-tmexxija tiegħu fil-finanzi tal-pajjiż kienet strumentali biex jitressqu budgets ta’ suċċess li ħolqu u qassmu l-ġid u li biddlu għall-aħjar il-ħajja ta’ eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin.

Il-Gvern irodd ħajr ukoll lil Dr Mario Vella tal-ħidma importanti li wettaq bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta u tad-direzzjoni strateġika li ta lil din l-istituzzjoni kruċjali għall-pajjiżna.

Il-Gvern jawgura lil Dr Mario Vella u lill-Professur Edward Scicluna għall-karigi ġodda li se jkollhom u għas-servizz kbir li fadlilhom jagħtu lil Malta u lil Għawdex.

Ritratt: Times of Malta

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com