“Fil-Ħabs Sibt Dixxiplina Kbira Li Apprezzajtha…” X’Qed Jagħmel Illum Sean?
Sean Felice kellu tfulija ftit iebsa. Beda jmiss id-droga meta kellu biss 13-il sena. Minħabba l-effett tad-droga darba minnhom kellu nċident bil-karozza u weħel ukoll 3 snin u nofs ħabs.
Faħħar lid-Direttur il-ġdid tal-ħabs Alex Dalli fejn tenna li fil-ħabs hemm dixxiplina kbira li ġġiegħelek tapprezzaha u tieħu gost bija fejn it-tagħlim li qed isir, jgħin lill-persuni biex ma jerġgħux jidħlu hemm ġew.
F’ħin minnhom, waqt li Sean kien fuq il-programm ta’ Ivan Gaffiero, bagħtet messaġġ ommu fejn qaltlu li hija kburija bih u qed tieħu gost ħafna terġa’ tarah iqum fuq saqajh. Kien mument emozzjonali!
Bid-dmugħ f’għajnejh irringrazzja lil ommu pubblikament u anke lin-nanna tiegħu fejn tenna li “In-nanna issa ferħana bija!”
Sean jemmen ħafna f’Alla u qal li waqt li kien ikun fiċ-ċella kien jitlob ħafna u kien jgħidlu: “Inti biss tista’ tfejjaqni.”
Issa Sean qed jagħmel kuraġġ lil persuni oħra. Waqaf mid-droga ta’ 24 sena u kellu tarbija, li tilifha wara sena għaliex ħalliet din id-dinja. Però Sean mhux jaqta’ qalbu. Sean tenna wkoll li rridu nagħtu ċans lill-ex priġunieri fejn hemm minnhom li anqas għandhom post fejn jgħixu u ssib minnhom jispiċċaw jgħixu barra.