Il-Bini Mill-Ġdid Tal-Pont taċ-Chadwick Lakes Wasal Fl-Aħħar Fażi
Tħabbru l-aħħar żviluppi infrastrutturali ġodda li se jwasslu għall-aħħar fażijiet tagħhom ix-xogħlijiet fuq il-bini mill-ġdid tal-pont taċ-Chadwick Lakes.
Infrastructure Malta qed terġa’ tibni parti mill-pont li jaqsam il-kanal taċ-Chadwick Lakes fiż-żona Ta’ Slampa fir-Rabat, biex b’hekk jissewwew ħsarat strutturali li kienu saru u li dan l-aħħar ikkawżaw l-għeluq ta’ dan il-pont.
Ix-xogħol ta’ tisbiħ fuq dan il-pont b’investiment ta’ €150,000 mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sena, biex b’hekk ikun jista’ jinfetaħ għat-tgawdija tal-pubbliku.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li bil-progress li sar, issa deħlin fil-fażi finali ta’ dan il-proġett mifrux fuq tliet snin. Qal li fis-sajf sar xogħol ieħor relatat ma’ dan il-proġett, fost oħrajn ta’ tħammil ta’ terrapien li maż-żminijiet akkumula fil-wied.
Fil-fatt, fix-xaqliba l-oħra tal-wied issa hemm lok adegwat għall-ħażna akbar tal-ilma. Apparti minn hekk, komplew jitħawlu aktar siġar indiġeni Maltin, u fil-ġimgħat li ġejjin se jitranġa wkoll il-pont ewlieni li jgħaqqad dan il-wied mal-lokalitajiet tal-Imtarfa u r-Rabat.
Il-Ministru Ian Borg qal li l-gvern qed jinvestu fit-titjib ta’ spazji pubbliċi bħal dawn. “Aħna rridu li l-Maltin u l-Għawdxin ikollhom bosta għażliet fejn iqattgħu l-ħin liberu mal-familja tagħhom fl-aqwa u fl-isbaħ kundizzjonijiet u postijiet possibbli.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan hu proġett li se jkompli jsaħħaħ l-ambjent naturali ta’ pajjiżna, hekk kif qed nippreservaw il-biodiversità u l-konservazzjoni tal-ilma filwaqt li noħolqu spazji miftuħa.