Il-Btajjel Tal-Maltin Fil-Lukandi F’Malta Splodew ’Il Fuq

 Il-Btajjel Tal-Maltin Fil-Lukandi F’Malta Splodew ’Il Fuq

Filwaqt li l-imxija tal-COVID-19 u l-impatt qawwi li kellha fuq id-dħul f’pajjiżi barranin wasslu biex it-turiżmu barrani jonqos b’mod qawwi, statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (l-NSO) tindika li din is-sena t-turiżmu domestiku sploda ’l fuq.

L-istatistika tal-NSO turi li fit-tielet kwart tas-sena, aktar mid-doppju tal-Maltin u tal-Għawdxin għażlu li jqattgħu lejl f’lukandi f’pajjiżna. Filwaqt li fl-2019 kien hemm ftit aktar minn 43,000 Maltin u Għawdxin li ħadu vaganza f’lukanda f’pajjiżna bejn Lulju u Settembru, fl-istess xhur tal-2020 kien hemm 97,325. Dan ifisser żieda ta’ kważi 54,300 persuna jew tkabbir ta’ 126% fuq l-istess perjodu sena qabel.

L-aktar li gawdew minn dan l-iżvilupp kienu l-lukandi ta’ 4 stilel li raw in-numru ta’ turisti minn pajjiżna stess jiżdiedu bi kważi 32,000. Din tfisser li bejn Lulju u Settembru 2020 kien hemm tliet darbiet l-ammont ta’ Maltin u Għawdxin li qagħdu ġo lukandi ta’ 4 stilel f’pajjiżna meta mqabbel ma’ sena qabel. Anke l-lukandi ta’ 5 stilel raw qabża kbira, bi kważi 11,000 resident aktar jew żieda ta’ 67% fuq l-2019.

Filwaqt li forsi wieħed seta’ jaħseb li kienu ser ikunu biss il-lukandi u l-istabbilimenti f’Għawdex li kienu ser igawdu mill-miżuri li daħħal il-gvern favur it-turiżmu domestiku, l-istatistika turi li fil-fatt l-istabbilimenti Maltin gawdew ħafna. Miż-żieda ta’ kważi 54,300 turist lokali, 50,100 kienu f’lukandi u f’akkomodazzjoni kollettiva f’Malta.

Fi stqarrija, il-Ministeru għat-Turiżmu attribwixxa din iż-żieda għall-iskema tal-vouchers li għenu bil-kbir lill-operaturi f’Malta. Żied jingħad li kien hemm impatt pożittiv qawwi ħafna fil-gżira Għawdxija. In-numru ta’ turisti lokali żdiedu bi kważi 4,200. Jekk wieħed iħares lejn lukandi ta’ 4 stilel Għawdxin, in-numru ta’ turisti Maltin irdoppja meta mqabbel mal-2019. Bis-saħħa taż-żieda straordinarja fit-turiżmu domestiku, l-ammont ta’ turisti li qagħdu f’lukandi ta’ 4 stilel Għawdxin bejn Lulju u Settembru 2020 kien biss ftit mijiet anqas milli kien fl-2019, minkejja dak li seħħ bħala turiżmu barrani. Fejn jidħlu l-lukandi ta’ 5 stilel Għawdxin l-ammont ta’ turisti lokali tela’ għal aktar minn 6,000. Dan huwa darba u nofs aktar mill-ammont ta’ turisti barranin li kienu qagħdu f’lukandi ta’ 5 stilel Għawdxin fis-sajf tal-2019.

Skont l-NSO, l-ammont ta’ Maltin u Għawdxin li siefru barra minn pajjiżna għal btala fis-sajf tal-2020 kien 125,000 anqas mis-sena ta’ qabel. Jidher li kważi nofs dawn il-persuni minflok għażlu li jqattgħu btala f’lukandi u fi stabbilimenti f’pajjiżna, l-aktar f’lukandi ta’ 4 u ta’ 5 stilel.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com