Il-Fortizza Li Saret Diskoteka
Forsi l-ġenerazzjoni tal-lum ftit semgħu bil-fortizza tal-Qolla l-Bajda li tinsab ġewwa Għawdex. Iżda żgur li dawk li għexu ż-żogħżija tagħhom fis-snin sebgħin, tmenin u disgħin, jiftakruha bħala d-diskoteka bl-isem ta’ ‘Rook’.
Din il-fortizza ġiet mibnija mill-Ordni ta’ San Ġwann bejn l-1715 u l-1716 bħala waħda mill-fortifikazzjonijiet madwar il-kosta Maltija. Din hija waħda miż-żewġ fortizzi li għadhom weqfin ġewwa l-gżira t’Għawdex.
Meta din il-fortizza iddawret f’diskoteka, saru ħafna bidliet estetiċi biex tidher aktar attraenti. Bħalissa, sfortunatament, din il-fortizza hija mitluqa, u għalkemm l-NGO Din l-Art Ħelwa uriet interess sabiex tirrestawraha, dan ma jistgħax isir sakemm tinqata’ battalja legali li ilha għaddejja snin bejn il-gvern u kumpanija privata.
Hija ħasra li din il-binja li tagħmel parti mill-istorja tal-gżejjer tagħna tispiċċa titmermer bil-mod il-mod.
Ritratti: Guidememalta.com