Il-Gvern Bi Ftehim Ta’ €5 Miljun Ma’ Puttinu Għal Aktar Appartamenti F’Londra

 Il-Gvern Bi Ftehim Ta’ €5 Miljun Ma’ Puttinu Għal Aktar Appartamenti F’Londra

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, ippresjeda għall-iffirmar ta’ ftehim li permezz tiegħu, il-Gvern ta’ Malta se jipprovdi għotja ta’ €5 Miljun mill-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali lill-Fondazzjoni Puttinu Cares biex tkun tista’ tinvesti f’aktar appartamenti fiċ-ċentru ta’ Londra u li jinsabu tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod mill-Isptar Great Ormand.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, il-Prim Minsitru Robert Abela fisser is-sodisfazzjoni tiegħu għal dan il-ftehim u appella biex bħala poplu nibqgħu solidali u nwieżnu lil xulxin f’mumenti ta’ diffikultà hekk kif qed jiġri bħalissa fi żmien tal-pandemija.

Dr Abela qal li l-idea ta’ dan il-propett nibtet erba’ snin ilu meta kien għadu voluntier ma’ Puttinu u minn hemmhekk bdiet ħidma biex jinġieb il-finanzjament għalih. Stqarr li sa riċentament kien hemm mumenti li dan il-ftehim seta’ sfratta iżda l-Gvern ma aċċettax dan għax emmen li s-saħħa tal-pazjent Malti u Għawdxi tirbaħ fuq kull konsiderazzjoni oħra.

Il-Prim Ministru qal li dan il-ftehim seta’ jimmaterjalizza għax il-Gvern seta’ jagħti s-sotenn tiegħu permezz tal-Fond Socjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali. Ħabbar li meta jiġi ffirmat il-konvenju għax-xiri tal-propjetà, il-Fond se jgħaddi €5 miljun lill-Puttinu flimkien ma’ pagamenti oħrajn li se jagħmlu tajjeb għall-użu tal-appartamenti.

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna Edward Scicluna qal sjega li l-Gvern se jħallas rata ta’ £80 għall-appartamenti li Puttinu tmexxi f’Sutton u £170 għall-appartamenti li se tkun qed tmexxi fiċ-Ċentru ta’ Londra. Ħabbar ukoll li se tingħata għotja annwali ta’ £150,000 mill-bidu tas-sena d-dieħla. Qal li dan il-ftehim ikopri perjodu ta’ 15-il sena.

Qal li dan il-ftehim se jagħti serħan il-moħħ lill-banek biex jagħtu s-self meħtieġ lill-Putinu Cares mingħajr ma l-Gvern jidħol għal garanziji.

Il-Ministru Scicluna saħaq fuq it-trasparenza ta’ dan il-ftehim u qal li f’każ li l-organizzazzjoni tiġi xolta, il-proprjetà tgħaddi f’idejn organizzazzjoni oħra li għandha l-istess għan.

Min-naħa tieħgu, id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li kull sena jintbagħtu mat-800 pazjent għall-kura speċjalizzata ħafna barra minn xtutna u li l-maġġornaza tagħhom imorru fi sptarijiet f’Londra.

Il-Ministru għas-Saħħa spjega li l-Gvern iħallas b’mod komplut l-ispiża tal-isptarijiet flimkien mal-passaġġ tal-ajru lill-pazjenti u liż-żewġ ġenituri f’każ ta’ tfal. Ħabbar li s-sena l-oħra tħallsu l-passiġġi ta’ 200 ġenitur u kwart ta’ miljun ewro f’servizz ta’ trasport għall-pazjenti Maltin minn u lejn l-isptarijiet.

Min-naħa tiegħu Dr Victor Calvagna minn Fondazzjoni Puttinu fisser il-ġurnata tal-lum bħala waħda memorabbli għall-Puttinu u għall-poplu kollu. Qal li permezz ta’ dan il-ftehim se jkollna proprjetà f’Londra ta’ kważi 20 appartament għal tfal u kbar li jkunu jeħtieġu kura speċjalizzata f’Londra.

Spjega li wara ħafna ħidma, instabet propjetà li tinsab nofs siegħa biss ’il boghod miċ-ċentru ta’ Londra. Sostna li permezz ta’ dan il-ftehim, Puttinu Cares se jkollu propjetà li se tgħin lill-poplu Malti daqskemm għenu l-proprjetajiet f’Sutton.

Dr Calvagna qal li kulħadd għandu jkun kburi b’dan il-ftehim għax se jnaqqas it-tbatijiet tan-nies li jkunu jeħtieġu kura speċjalizzata fl-Ingilterra.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com