Il-Kummissarju Tal-Istandards Ma Jistax Jinvestiga L-Btala Ta’ Azzopardi Mħallsa Minn Tumas

 Il-Kummissarju Tal-Istandards Ma Jistax Jinvestiga L-Btala Ta’ Azzopardi Mħallsa Minn Tumas

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler ma jistax jinvestiga l-btala b’xejn li bbenefika minnha d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi mingħand Tumas Group f’Lulju ta’ 2017.

It-talba għall-investigazzjoni saret minn Jason Azzopardi wara li l-gazzetta Illum żvelat li d-deputat Nazzjonalista ċempel lis-sid ta’ Tumas Group biex isiblu l-lukanda f’Tel Aviv. Madankollu din l-investigazzjoni ma tistax issir għas-sempliċi fatt li l-Kummissarju tal-Istandards jista’ jinvestiga biss każijiet minn Ottubru tal-2018.

“Qed jipprova jgħatti x-xemx bl-għarbiel”

B’reazzjoni għal din it-talba, esperti legali li tkellmu ma’ dan is-sit osservaw li t-talba li għamel Azzopardi hija inammissibbli. Qalu li huwa minn ewl id-dinja li Hyzler ma jistax jinvestiga dan l-iskandlu.

“Kif jaf ben tajjeb Azzopardi, il-liġi ma tippermettix li tinvestiga b’mod retroattiv każijiet bħal dawn u għalhekk kulma qed jagħmel Dottor Azzopardi huwa li qed jipprova jirreaġixxi għall-kritika kbira li saritlu biex jerfa’ r-responsabbiltà ta’ għemilu. Dan wara li mhux biss aċċetta li jkollu l-akkomodazzjoni tiegħu mħallsa minn Tumas Group, iżda saħansitra kien hu li ċempel lill-istess sidien biex isibulu l-lukanda f’Tel Aviv.”

Il-gazzetta Illum żvelat li Azzopardi qagħad fil-lukanda Hilton f’Tel Aviv, waħda mill-aktar lukandi lussużi f’dan il-pajjiż. Azzopardi ammetta li kellu kollox imħallas mill-Grupp Tumas, tlett ijiem wara li fuq il-programm Xtra qal li ma jiftakarx li qatt irċieva xi ħaġa b’xejn mingħand dan l-istess grupp, li s-sid tiegħu kien Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fuq Facebook, Azzopardi rreaġixxa billi qalli li sar jaf li kellu kollox imħallas minn Tumas meta kien se jħalli l-lukanda u li wara li wasal Malta xtara xi ħaġa tal-fidda lil Ray Fenech, iz-ziju ta’ Yorgen Fenech biex ma jkollux obbligazzjonijiet miegħu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com