Il-Plejer Li Ddeċieda Li Jżomm Kunjom Martu…
Donnha qed tidħol moda li mhux biss in-nisa jieħdu l-kunjom tar-raġel tagħhom iżda wkoll l-irġiel li qed jieħdu kunjom marthom. Hekk għamel Gilbert Camilleri li żied il-kunjom Lowell wara ż-żwieġ tiegħu ma’ Stephanie.
Qalilna li peress li Stephanie ġejja minn familja lkoll aħwa nisa xtaqet li l-kunjom jibqa’ u wara ħafna ħsiebijiet, iddeċieda li jieħu l-kunjom tagħha wkoll biex dan ma jintilifx. Inzerta li missier Stephanie kien plejer promettenti ma’ Birkirkara, Ħal Lija u anke mat-tim nazzjonali.
Gilbert ukoll huwa plejer li beda l-futbol minn meta kellu 5 snin man-Naxxar Lions u ta’ 16-il sena ddebutta fil-Premier mal-istess tim. Il-karriera tiegħu kienet imżewqa sew fejn kien mexa mal-Imsida St. Joseph u kellu aktar promozzjonijiet.
Tenna magħna li l-isbaħ mumenti kienu meta n-Naxxar kienu fit-3 diviżjoni u ssejħu l-plejers promottenti Naxxarin taħt id-direzzjoni ta’ Dione Drago li miegħu, il-Lions baqgħu telgħin sal-Premier. Xi gowl mingħand Gilbert ma naqasx tant li qalilna li l-isbaħ żewġ gowls li jibqa’ jiftakar kienu; wieħed meta kien għadu mal-Minors f’semi finali kontra Birkirkara u ieħor meta fl-aħħar minuti tal-partita bejn Naxxar u Żejtun ġab draw ta’ 1-1 kontra Żejtun li f’dawk iż-żminijiet kienu rival u dejjem viċin xulxin fil-klassifika.
Interessanti tal-kunjom imma Gilbert! Awguri dejjem!
Ritratt: Daniel Mifsud