Il-PM Jirringrazzja Lil Michael Mifsud Tas-Servizz Li Ta Lit-Tim Nazzjonali Malti
Il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ fil-Berġa ta’ Kastilja lil Michael Mifsud li ftit tal-jiem ilu rtira mit-tim nazzjonali tal-futbol bl-aħħar logħba tiegħu tkun partita ta’ ħbiberija kontra t-tim Nazzjonali tal-Liechtenstein, fil-grawnd Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, fejn anke niżżel ismu fost l-iskorers.
Il-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja lil Michael Mifsud tas-servizz li ta lit-tim nazzjonali u sostna li l-pajjiż kollu huwa kburi b’dak li rnexxilu jikseb.
Dr Abela ppreżenta tifkira lil Mifsud filwaqt li l-player Malti rreċiproka b’għotja ta’ flokk tat-tim Nazzjonali lill-Prim Ministru.
Michael Mifsud lagħab għal kważi 20 sena konsekuttivi għal Malta fejn libes il-flokk tat-tim nazzjonali għal xejn inqas minn 143 darba u skorja 42 gowl.
Mifsud kellu karriera twila wkoll lil hinn minn xtutna fejn lagħab ma’ timijiet bħal FC Kaiserslautern, Lillestrom u Coventry City fost oħrajn.
F’pajjiżna huwa beda jilgħab ma’ Sliema Wanderers u preżentament huwa player tat-tim ta’ Sirens.
Jakkumpanja lill-Prim Ministru Robert Abela kien hemm is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima. Preżenti wkoll kien hemm il-Viċi President tal-Malta Football Association, il-Perit Ludovico Micallef.