Jawguraw Fejqan lil Wenzu Li Ndarab Gravi Waqt Li Kien Qed Iniegħel Iż-Żiemel
Il-Kunsill tal-Malta Racing Club awgura fejqan ta’ malajr lil Wenzu Magro li jinsab jissielet għall-ħajtu wara li dalgħodu kellu inċident gravi waqt li kien fuq xogħlu jniegħel żiemel fis-Siġġiewi.
Magro li għandu 30 sena u joqgħod in-Naxxar jinsab fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei.
Il-każ għall-ħabta tal-10.30am meta Magro li huwa dilettant sew taż-żwiemel, indarab serjament wara li ntlaqat minn żiemel waqt li kien qiegħed jagħmillu n-nagħal f’kumpless fi Triq Ħal Farruġ.
Sorsi spjegaw li biex tagħmel is-sengħa tan-nagħal trid tkun dilettant sew taż-żwiemel u trid tkun taf x’qed tagħmel.
Qalu li l-komunikazzjoni bejn iż-żiemel u min ipoġġielu n-nagħla hija essenzjali biex iż-żiemel jafda saqajh f’idejn min se jagħmillu n-nagħal.
Fl-isptar Magro ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji.
Il-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.