Jekk Toqgħodu r-Rabat, Oqgħodu Attenti Minn Dan L-Insett!
Dan m’hu ħadd ħlief il-bagħal taż-żunżan, insett li kien għeb minn Malta, u reġa’ tfaċċa madwar tmien snin ilu. Insett li fih daqs tliet ċentimetri u li l-popolazzjoni tiegħu kibret ħafna, bl-Ingliż insejħulu ‘Oriental Hornet’.
Fuq is-sit tvm.com.mt ġie rrappurtat illi, fi kliem Arnold Sciberras – konsulent fl-immaniġġjar ta’ insetti li jeqridu oħrajn u pjanti – il-bagħal taż-żunżan għamel ħsara lil speċi oħra, fosthom in-naħal. Il-bagħal taż-żunżan jista’ jkun ta’ periklu għall-bniedem, iżda mhux se jattakkah sakemm iħallih bi kwietu u ma jipprovokahx.
Bħal żnażan oħra, anki l-bagħal taż-żunżan jagħti x-xewka. It-tingiża tiegħu hija b’saħħitha ħafna u wieħed irid ifittex trattament mediku malajr speċjalment jekk ikun tniggeż aktar minn darba.
Waħda mil-lokalitajiet fejn dan l-aħħar ġiet innutata żieda f’din l-ispeċi ta’ żunżan hi r-Rabat.
Is-Sur Sciberras appella lil min jitma’ l-annimali ta’ barra, bħall-qtates, biex inaddfu wara għax l-ikel li qed jingħata lil dawn l-annimali qed iservi ta’ għalf għal bagħal taż-żunżan.
Jekk wiehed jinnota bejta ta’ dan l-insett, hemm bżonn li tas-sanita’ jkunu infurmati ħalli il-bejta tkun tista’ titneħħa.
Ritratt: tvm.com.mt