Jitħawlu 1,000 Siġra U Arbuxell Fil-Park Tal-Majjistral

 Jitħawlu 1,000 Siġra U Arbuxell Fil-Park Tal-Majjistral

Il-Park tal-Majjistral, wieħed mill-pulmuni ewlenin fit-Tramuntana ta’ pajjiża se jkompli jitħaddar permezz ta’ elf siġra u arbuxell.

Dan it-tħaddir qed isir bħala parti mix-xogħol li qed twettaq Ambjent Malta flimkien mal-Ministeru għall-Ambjent u l-Ministeru Tork għall-Agrikoltura u l-Afforestazzjoni.

Fi żjara li għamel fil-Park tal-Majjistral, il-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia qal li s-siġar huma minn stokk lokali, u magħhom ġiet installata sistema ta’ irrigazzjoni, sabiex ikunu jistgħu jissaqqew kif meħtieġ.

Il-proġett ser jwassal ukoll għar-rijabilitazzjoni ta’ iktar minn 8,000 metru kwadru ta’ art li ser titħaddar sabiex tkun tista’ titgawda mill-pubbliku.

L-għan ta’ din l-inizzjattiva hija li l-art li qabel kienet mitluqa terġa’ tiġi rrestawrata biex tikkumplimenta l-bqija tal-ambjent ekoloġiku tal-madwar. Għal din ir-raġuni, is-siġar u l-arbuxelli li tħawlu f’dan is-sit huma indiġini u kompatibbli mal-klima ta’ Malta, fosthom siġar taż-żebbuġ, siġar tal-ħarrub u s-siġra nazzjonali tal-għargħar.

Iċ-Ċhairman tal-Park tal-Majjistral Sammy Vella faħħar din l-inizjattiva u qal li dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. Stqarr li għandna bżonn niżirgħu iktar siġar biex il-popolazzjoni tkun tista’ tgawdi minn klima u ambjent aħjar għar-rikrejazzjoni. “Fil-passat, provajna niżirgħu iktar siġar imma mhux dejjem b’mod intelliġenti. Illum nafu li rridu nkunu iktar selettivi fl-istrateġiji tagħna.”

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com