Kaxkarha ’L Barra Mis-Sodda Minn Xagħarha Għax Ma Riditx Ikollha X’Taqsam Miegħu

 Kaxkarha ’L Barra Mis-Sodda Minn Xagħarha Għax Ma Riditx Ikollha X’Taqsam Miegħu

Raġel li għandu storja ta’ mġiba aggressiva ġie ordnat isegwi programm kontra r-rabja li għandu fih minn maġistrat li sabitu ħati li sawwat lil martu meta rrifjutat li jkollha x’taqsam sesswalment miegħu fis-sodda.

Ir-raġel li ismu ma jistax jixxandar b’divjett tal-qorti biex tiġi protetta l-identità tal-vittma ġie kkundannat disa’ xhur ħabs sospiżi għal tmintax-il xahar mill-Maġistrat Rachel Montebello.

Hija wissietu b’mod ċar li dan huwa l-aħħar ċans li qed jingħata. Dan wara li semgħet l-abbuż li seħħ f’Jannar li għadda meta martu ma riditx li jkollha x’taqsam miegħu. Hawnhekk huwa qabad isawwat u jagħti bid-daqqiet ta’ ponn lil martu qabel ma kaxkara ’l barra mill-kamra tas-sodda minn xagħarha.

Waqt li kompla jsawwatha u jagħtiha bis-sieq, huwa tefagħha f’nofs ta’ triq. Hija rnexxielha tieħu magħha ċ-ċwievet tal-karozza u saqet lejn ċentru tas-saħħa. Hija kkuntattjat lil omm żewġha u lil oħtu u għamlet rapport lill-pulizija. Hawnhekk il-pulizija sejħu minnufih lill-ħaddiema soċjali tal-Appoġġ.

Fil-qorti ngħad li r-raġel kellu storja twila ta’ vjolenza domestika kontra l-partners tiegħu, martu u bintu u nstab ħati ta’ diversi akkużi.

Martu xehdet li kienet tibża’ tirrifjuta li jkollha x’taqsam miegħu għax mhux l-ewwel darba li refa’ jdejh fuhqa b’mod vjolenti.

Il-Qorti qalet li kull darba li l-affarijiet ma kinux imorru kif kien jippretendi hu, jibda jirrabja, jsawwat u jiġbed mix-xagħar. Dan seħħ anke ma’ bintu meta bdiet toħroġ ma’ persuna li ma kienx jogħġbu u meta nesiet titmagħlu l-annimali.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti qalet li r-reat seħħ qabel daħlu fis-seħħ l-emendi fil-liġi tal-vjolenza domestika li jimponu pieni ferm aktar ħorox fil-konfront tal-persuni li jinstabu ħatja ta’ dawn ir-reati.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com