Keith Schembri U Konrad Mizzi Interrogati Mill-Pulizija

L-eks kap tal-uffiċċju tal-Prim MInistru Keith Schembri kien arrestat dalgħodu mill-pulizija mir-residenza tiegħu fil-Mellieha biex ikun interrogat mill-pulizija tat-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi.
L-eks Ministru Konrad Mizzi illum deputat parlamentari indipendenti ukoll qed ikun interrogat mill-pulizija wara li kien arrestat il-bierah u nżamm arrestat matul il-lejl.
Schembri kien diġà arrestat f’Settembru b’rabta ma’ investigazzjoni dwar allegazjoni li rċieva €100,000 fuq il-bejgħ tal-passaporti mill-awditur tiegħu Brian Tonna. Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest mingħajr akkuża u baqa’ fuq garanzija tal-pulizija.
L-arrest ta’ dalgħodu sar wara li l-Avukat Ġenerali kienet talbet lill-qorti biex timponi ordni ta’ ffriżar fuq l-assi kollha ta’ Schembri, inklużi dawk tal-familja immedjata tiegħu u tal-kumpaniji li għandu.
Id-deputat Konrad Mizzi kien twarrab mill-grupp parlamentari tal-Partit Laburista f’Ġunju ta’ din is-sena.