Kif Tippoża Għal Ritratt Jista’ Jkun Perikoluż!
Fiż-żminijiet tal-lum hija moda li kulħadd jitfa’ ritratti tagħhom infushom fuq il-midja soċjali, b’pożi kemm jista’ jkun ‘cool’ u b’ħafna mossi esaġerati. Iżda, kontu tafu li l-mod ta’ kif nippużaw jista’ jġibna f’inkwiet bla bżonn?
Ċertu pożi popolari, bħas-sinjal tal-‘peace’, kif jidher hawn taħt, jista’ jikxiflek informazzjoni personali u sensittiva. Imma kif?
F’Istitut tal-informatika fil-Ġappun saret riċerka billi ttestjaw ritratti ta’ persuni meħudin b’kamera diġitali minn 3 metri bogħod. Skoprew li l-marki tas-subgħa jistgħu jiġu kkuppjati, grazzi għat-teknoloġija tal-‘fingerprint recognition’. Iktar ma’ jkun ċar ir-ritratt, iktar hemm ċans li ssir il-ħsara.
Dan il-periklu huwa akbar meta r-ritratti jiġu mtellgħin fuq l-internet, u b’hekk l-informazzjoni tinxtered.
Illum il-ġurnata nużaw il-marki tas-swaba tagħna sabiex nużaw il-mobile u nidhlu fl-‘applications’. B’hekk, jekk il-marki tas-swaba tagħna jiġu f’idejn ħżiena, dawn jista’ jkollhom aċċess għal informazzjoni tiegħek, inkluż dik finanzjarja.
Allura l-aħjar ħaġa hi li meta nippużaw, m’hemmx għalfejn nuru subgħajna biex nidhru ‘cool’, jew inkella nuru d-dwiefer sbieħ li tkun għamlitilna n-‘nail technician’!
Ritratti: brightside.me