L-MDA Tgħid Li D-Dewmien Fil-Proġett tal-Oqbra Huwa Inaċċettabbli

 L-MDA Tgħid Li D-Dewmien Fil-Proġett tal-Oqbra Huwa Inaċċettabbli

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, l-MDA ħeġġet lill-gvern biex isib soluzzjoni għal dak li sejħet bħala dewmien inaċċettabbli biex titlesta l-estensjoni taċ-Ċimiterju tal-Addolorata.

Fi stqarrija, l-MDA qalet li dan id-dewmien fil-proġett qed jaffettwa lil mijiet ta’ familji li diġà ħallsu eluf ta’ ewro lill-awtoritajiet biex ikollhom il-qabar tal-familja tagħhom.

L-Assoċjazzjoni qalet li waslulha bosta ilmenti minn familji li ħallsu mal-€4,000 kull wieħed f’depożitu, u sal-lum għadhom mingħajr il-qabar minkejja li ntalbu jiffirmaw il-konvenju għal xiri ta’ qabar ġdid.

Qalet li għaddew ix-xhur mindu dawn l-oqbra kellhom jitlestew u jidher li din is-saga se tkompli ttul. Żiedet li biex iżidu l-melħ fuq il-ferita, il-familji qed jintalbu jestendu l-konvenju għal aktar żmien.

L-MDA qalet li hu inaċċettabbli li l-gvern li għandu jmexxi bl-eżempju, ma jżommx l-impenn tiegħu u għalhekk appellatlu biex ilesti dan il-proġett mill-aktar fis.

L-estensjoni taċ-ċimiterju tinkludi l-bini ta’ 2,280 qabar ġdid li kienu approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar fl-2016. Qalet li minkejja li l-oqbra jiswew mat-€8,000-il wieħed, sal-lum ħadd minn dawk li ffirmaw il-konvenju ma ngħata l-qaber.

Temmet twissi li jekk il-Gvern se jkompli jġebbed dan il-proġett se tkun qed titlob għall-kumpens f’isem dawn il-familji.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com