L-MUT Tiltaqa’ Mal-Ministru Għall-Edukazzjoni Justyne Caruana
Fi stqarrija l-MUT qalet li llum iltaqgħet mal-Ministru għall-Edukazzjoni l-ġdid, l-Onor. Justyne Caruana, f’laqgħa kordjali online li nkludiet ukoll lis-Segretarju Permanenti.
Apparti l-awguri, intqal li kienu diskussi wkoll numru ta’ sfidi attwali li l-edukaturi qed jiffaċċjaw din is-sena tal-pandemija u kif ukoll dawk li ser jiffaċċjaw ‘il quddiem. L-MUT qalet li ddiskutiet ukoll numru ta’ prijoritajiet fosthom il-kriżi ta’ nuqqas ta’ edukaturi li hija waħda mill-kawżi prinċipali ta’ problemi oħra fis-settur.
L-MUT temmet tgħid li se tkun qed tistenna b’ħerqa li tkompli bid-diskussjoni u l-ħidma mal-Ministeru l-ġdid għall-benefiċċju tal-edukaturi, l-istudenti u s-soċjetà.
Intant, il-Ministru Justyne Caruana diġà bdiet il-ħidma tagħha f’settur li ma jrid dejjem attenzjoni kontinwa fejn anke ħadet sehem attiv f’laqgħa tal-Grupp ta’ Azzjoni tal-Ministri għall-Edukazzjoni tal-Commonwealth (EMAG). Hemmhekk ġie diskuss l-impatt tal-Covid-19 fuq is-settur tal-edukazzjoni.
Ritratt: facebook/ Justyne Caruana
Caruana sostniet li se tkun qed taħdem bla waqfien biex tara li dan is-settur tant importanti għal pajjiżna, ikompli jitjieb bl-aqwa mod possibbli.
Ritratt: mut.org.mt