Mil-Lum Tkompli Tingħata T-Tilqima Kontra l-Influwenza Staġjonali
Mil-lum eluf ta’ Maltin se jkomplu jingħataw it-tilqima tal-influwenza. Dan wara li l-Ministeru għas-Saħħa kiseb aktar minn 100,000 vaċċin ieħor kontra l-influwenza staġjonali.
It-tilqima se tingħata lil dawk li għandhom bejn it-tlieta u l-ħames snin, lil dawk li għandhom ‘il fuq minn 55 u persuni b’mard kroniku. Huma jistgħu jingħataw it-tilqima minn kull ċentru tas-saħħa f’Malta u Għawdex.
Il-kumplament tal-pubbliku se jkun jista’ jitlaqqam mill-ġimgħa d-dieħla. Ċentri tal-kura tas-saħħa huma miftuħin bejn it-8am u s-7pm.
Din is-sena, l-awtoritajiet tas-saħħa ħeġġew lin-nies biex jieħdu t-tilqima tal-influwenza l-aktar minħabba l-fatt li d-dinja ntlaqtet mill-pandemija tal-Covid-19 li s’issa għadha ma ġietx żviluppata tilqima kontriha.
It-tilqim tal-influwenza għandha l-għan li tipprevjeni bosta każijiet ta’ nies infettati bl-influwenza, u b’hekk tnaqqas il-pressjoni fuq l-isptarijiet li diġà għandhom pressjoni minħabba l-pazjenti bil-Covid-19.
Fl-aħħar ġimgħat aktar minn 100,000 persuna tlaqqmu kontra l-influwenza l-istaġjonali.