Muscat Jilqa’ L-Passi Kontra Persuni Li Kienu Parti Mill-Frame-Up Egrant
L-ex Prim Ministru Joseph Muscat laqa’ l-passi li ħadet il-pulizija fl-aħħar sigħat fil-konfront tal-ex Spettur Jonathan Ferris u r-Russa Maria Effimova.
Ferris u Effimova kienu fost persuni li l-Maġistrat, illum Imħallef Aaron Bugeja talab li jittieħdu passi kriminali kontrihom dwar xhieda falza.
Fir-reazzjoni tiegħu għal dawn il-passi, Dr Muscat innota li wara iktar minn sentejn mindu ġie kkonfermat illi saret gidba ippjanata, b’dokumenti u firem foloz, maħduma bejn diversi persuni biex mhux biss iħammgu lilu u lil martu, iżda wkoll biex jiġi destabilizzat il-pajjiż, l-awtoritajiet ħadu passi fil-konfront ta’ żewg persuni, kif diretti fil-konklużjonijiet ta’ Inkjesta Maġisterjali indipendenti li ntalbet minnu stess.
Dr Muscat qal li matul dan il-perjodu kollu, inkluż meta kien fil-kariga ta’ Prim Ministru, huwa qatt ma għamel pressjoni jew ħa azzjonijiet li setgħu jiġu interpretati bħala pressjoni biex jiġu implimentati d-deċiżjonijiet tal-Inkjesta Maġisterjali. Qal li dan għamlu biex iħalli lill-awtoritajiet l-ispazju kollu biex jaħdmu kif jidhrilhom xieraq.
“Nittama li minbarra x-xogħol li sar fl-inkjesta, isiru l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa dwar dan il-każ u anki biex juru min kien il-moħħ wara dan il-pjan kollu. Nittama li l-persuni mressqa jikkollaboraw biex tkun magħrufa l-verità kollha u min huma n-nies oħra involuti, fosthom dawk li għadhom jinħbew wara s-suppost professjoni tagħhom”, qal Dr Muscat.
Huwa temm jgħid li l-Avukat Pawlu Lia se jkun qed jidher bħala parte civile għalih u għal marti matul dawn il-proċeduri.