Eks-studenta ta’ Oliver Friggieri, Marilyn Mintoff, tellgħet fuq il-midja soċjali messaġġ profond li kien bagħtilha Friggieri xi snin ilu. Il-messaġġ li kien kitbilha huwa dan:
“Meta mbaghad ghad jiskot fommi, u riglejja jehlu mal-art, u nteftef b’idejja t-tnejn biex naghti l-ahhar passi, nittama li nkun ghedt kull kelma li kelli naghzel fil-kuntratt ta’ hajti, u li biha stajt missejt il-qalb ta’ xi hadd, minn dudu sa bniedem. U mbaghad meta idi tinghalaq bhal warda li ma tistax tiftah, u tieqaf u l-pinna taqaghli minn idi, imbaghad,,, nittama li jkun sebah, u nkun tghallimt il-lingwa tas-skiet. Jekk ghad fis-skiet niskopri hsejjes godda, u jarga’ jaqa’ f’hogri l-kliem mill-gholi, allura nkun wasalt biex fhimt il-kwiekeb, muti bhali, … allura l-alfabett ikun hafif, u b’id titrieghed, l-id bla żmien ta’ tfajjel, nonqox bih ktieb iehor. Sa dak il-hin bl-arlogg marbut mal-polz li ghadu jtektek, nistenna l-minutiera tasal f’postha, u nġorr fl-ixkora tiegħi kliemi kollu, bit-tama li jwassalni sat-tarf l-ieħor. Ikun dal-kliem il-kliem li bih insellem jekk qatt ma nasal naghzel kelma ohra. Ghaziza Marilyn, ma nafx kif, imma dawn huma versi, xejn riveduti, li ktibt issa malli bdejt niktiblek, u kont wasalt fil-kelma ‘Alla’. Ma rrevedejthomx. Zommhom bhala ringrazzjament lilek ghall-gentilezza tieghek. Ghadni nikteb eccetra, u nippubblika kotba u artikli barra minn Malta, bhal qabel… Meta joghgbok ghaddi, u qis li tghidli kull meta tahseb li nista’ nkunlek ta’ xi ghajnuna.
Ibqa’ emmen, ibqa’ tbissem – ikun xi jkun it-temp, ibqa’ tajba, ikun xi jkun it-temp..”
Mintoff stqarret li meta rċeviet dan il-messaġġ kienet tħassbet, iżda illum tgħożż dan il-messaġġ bħala tifkira ta’ bniedem taħt kbir li kien dejjem hemm għaliha.
Bla dubju, l-impatt li xtaq jagħmel Friggieri għamlu… u l-qlub li xtaq imiss, messhom. Dan jixduh l-eluf li kienu jafuh u li fl-aħħar jumejn esprimew kif huwa messhom bil-ġentilezza, bil-qlubija u bl-intelliġenza tiegħu.
Iżda l-aktar ħaġa mpressjonanti f’dan kollu hija li l-messaġġ li kien bagħat lil Marilyn Mintoff jiddeskrivi l-mod kif fil-verità miet Friggieri. In-neputija tiegħu kitbet fuq Facebook u qalet li meta sabuh mejjet huwa “kien qed jikteb l-aħħar letteratura tiegħu” u sabuh “b’idu magħluqa bħal warda”.