Pospost Ġuri Dwar Traffikar Ta’ 7 Kili Droga Minħabba l-Pandemija

 Pospost Ġuri Dwar Traffikar Ta’ 7 Kili Droga Minħabba l-Pandemija

Anġlu Vella ta’ 67 sena u Jason Said ta’ 47 sena li qed jistennew li jgħaddu ġuri minħabba allegat involviment f’konfoffa dwar każ ta’ traffikar tad-droga 15-il sena ilu kellhom il-każ tagħhom pospost minħabba l-COVID-19.

Il-ġuri kien ippjanat li jibda t-Tnejn li għadda. Iż-żewġt irġiel jinsabu akkużati li kkonfoffaw biex jittraffikaw l-eroina, li importaw u ttraffikaw seba’ kili droga u li kellhom fil-pussess tagħhom droga li ma kinitx għall-użu personali tagħhom.

L-akkużi jmorru lura għal Ġunju tal-2005 meta Vella u Said ġew arrestati f’operazzjoni tal-pulizija li skattat minn informazzjoni kunfidenzjali dwar traffikar tad-droga li kellu jsir fl-inħawi taċ-Ċirkewwa.

Fl-istess xahar Vella twaqqaf minn suldati abbord il-cabin cruiser tiegħu u Said, li kien qed isuq Pajero aħmar, twaqqaf waqt road block mill-pulizija fl-inħawi tal-Għadira.

Fil-qorti, il-Prosekuzzjoni kienet żvelat li waqt tftittxija li saret fil-Pajero kienu nstabu $115,900 u €4,300 f’erba’ envelopes kannella f’borża tal-plastik bajda. Fi tfittxija oħra li saret fl-istess vettura minn espert tal-qorti nstabu wkoll riċevuti b’rabta ma’ vvjaġġar.

Żewġt irġiel oħra ffaċċjaw proċeduri kriminali b’rabta ma’ dan il-każ.

Id-difiża tal-akkużati qed titlob li l-interċettazzjonijiet li kienu saru u li wasslu għas-sejba ta’ droga jitneħħew mill-każ.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com