Repubblika Tgħid Li Owen Bonnici Hu Inkapaċi U Li L-Gvern Għandu Jimmulta Lill-Ġenituri Li Mhux Jibagħtu T-Tfal L-Iskola
L-għaqda Repubblika akkużat lill-Gvern li qed jabbdika mir-responsabbiltajiet tiegħu fil-qasam edukattiv u qalet li tinsab inkwetata bid-deċiżjoni li ħa li ma jimmultax lill-ġenituri li ma jibagħtux lit-tfal tagħhom l-iskola.
F’Settembru li għadda, il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħabbar li kien qed jeżenta lil dawk il-ġenituri li jiddeċiedu li ma jibagħtux it-tfal tagħhom l-iskola minħabba l-imxija tal-Covid-19 milli jipprovdu ċertifikat tal-mard.
Madankollu Repubblika sejħet din id-deċiżjoni bħala superfiċjali u rresponsabbli.
Qalet li l-Gvern wera ineffiċjenza kbira fil-mod kif mexa dwar kif l-iskejjel għandhom jikkontrollaw il-virus. Żiedet li l-linja gwida li ħarġu nkitbu min-nies li ma jifhmux u sejħet bħala ħrafa l-kunċett tas-safety bubbles għax qalet li dan malajr jinfaqgħu f’sitwazzjonijiet bħat-trasport għall-iskejjel.
Dwar it-tagħlim fl-iskejjel, qalet li tfal ftit li xejn għandhom opportunità jitkellmu ma’ sħabhom, l-anqas waqt il-break għax iridu jibqgħu jieklu bilqiegħda. Qalet li mhux jagħmlu ħbieb ġodda u fl-iskejjel m’hemm ebda attività extra-kurrikulari, l-ebda kunċert, logħob, xejn li fi kliemha ma jista’ jissejjaħ edukazzjoni li jieħdu pjaċir bih.
Hija akkużat ukoll lill-Gvern li ħeles minn suġġetti importanti bħall-mużika, l-arti, it-teatur jew id-disinn tekniku u qalet li dan hu sagrifiċċju li m’għandniex naċċettaw.
Repubblika żiedet tgħid lill-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici huwa inkapaċi u li l-unika suċċess li jista’ jiftaħar bih hu li għamel mezz biex ma jkollu l-ebda ilment minn dawk li jiġu mmultati għax mhumiex qegħdin jibagħtu t-tfal l-iskola.