Siġra Tal-Milied Imżejna B’5,000 Bozza LED Fil-Belt Valletta… U Aktar
Min qal li l-Milied u l-ispirtu tiegħu mhux se jinħass din is-sena? Il-Milied hija festa mistennija minn sena għall-oħra u f’dan il-mument tal-pandemija, bosta kienu qed iħossu n-nuqqas ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet. Iżda l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ħasbet għal dan.
Waqqfet siġra tal-Milied ġewwa Pjazza Ħelsien, quddiem il-bini tal-Parlament bħala parti mill-inizjattiva tagħha f’dak li għandu x’jaqsam t-tiżjin tal-Milied fit-toroq tal-Belt Valletta, taħt il-Programm Christmas in the City.
Is-siġra li hi twila 12-il-metru, u ġiet imżejna b’iktar minn 5,000 bozza LED li se jkunu mixgħula tul żmien il-Milied. Apparti s-siġra tal-Milied, il-VCA flimkien mal-kommunità tal-Belt u l-għaqdiet kummerċjali, ħadet ħsieb li jinxtegħlu Triq ir-Repubblika u Triq il-Merkanti, Triq l-Arċisqof u Strada Stretta kollha. Din is-sena, id-dekorazzjonijiet saru mid-ditta Metalux li hija magħrufa għad-disinji bid-dwal matul Via del Corso f’Ruma.
Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li, “l-Programm Christmas in the City din is-sena, u minħabba r-ristrizzjonijiet ta’ Covid-19, ibbaża ħafna aktar fuq attrazzjonijiet tad-dawl, inkluda aktar toroq u fit-8 ta’ Diċembru, ser issir il-mixegħla tal-faċċati kollha ta’ Pjazza San Ġorġ permezz ta’ projezzjonijiet tal-Milied”.
Fil-25 ta’ Novembru, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ser tkun qed ittellà wkoll l-Presepju f’Pjazza de Valette.
Minn StradaRjali.com nuru l-apprezzament tagħna lejn il-ħidma ta’ din l-aġenzija mmexxija minn Jason Micallef li ma qatgħux qalbhom biex f’mumenti bħal dawn, itellgħu l-moral tal-pubbliku.