Qattgħu Bieb Tal-Ħadid U Sabu Tfajla Allegatament Tbigħ Id-Droga Fil-Marsa

 Qattgħu Bieb Tal-Ħadid U Sabu Tfajla Allegatament Tbigħ Id-Droga Fil-Marsa

Operazzjoni mmexxija mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga, assistiti minn diversi skwadri oħra tal-Korp tal-Pulizija, wasslet biex dalgħodu saret qabda kbira ta’ droga kokaina, crack cocaine u ħaxixa tal-kannabis, liema droga kienet lesta biex tkun ittraffikata.

Tfajla ta’ 20 sena, mill-Birgu, ġiet arrestata fil-post. Wara jiem sħaħ ta’ osservazzjoni fuq garaxx fil-Marsa, fejn allegatament qiegħed jintuża għall-bejgħ tad-droga, it-Tnejn filgħodu, għall-ħabta tal-għaxra u nofs, ingħatat ordni sabiex il-binja kollha fejn jinsab dan il-garaxx jiġi ċċirkondat mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU).

Fl-istess waqt, Skwadra tal-iSpecial Intervention Unit (SIU) daħlu fil-post billi qattgħu bieb tal-ħadid li jintuża bħala aċċess, bil-kumplament tal-bieb tal-garaxx kien imbarrat minn ġewwa bil-briks.

Malli nfetaħ l-aċċess, daħlu l-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u hemmhekk arrestaw lit-tfajla li allegatament kienet qiegħed tbigħ id-droga. F’waħda mill-kmamar il-pulizija sabet id-droga – 63 qartas tal-eroina, 110 qratas kokaina u 15-il qartas crack cocaine – kollha lesti f’kontenituri sabiex jinbiegħu.

Fl-istess kamra nstab ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti. Il-valur fit-triq, li kieku din id-droga nbiegħet, kienet tlaħħaq l-€4,000.
Fil-post saret tfittxija permezz tas-sezzjoni tal-Klieb tal-Pulizija (K9), waqt li assisstew ukoll f’din l-operazzjoni l-Pulizija tal-Forensika.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Rachel Montebello, li ħatret diversi esperti biex jassistuha.
L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com