Tinxtegħel Siġra Tal-Milied B’5,000 Bozza LED Fi Pjazza Ħelsien Fil-Belt

 Tinxtegħel Siġra Tal-Milied B’5,000 Bozza LED Fi Pjazza Ħelsien Fil-Belt

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) waqqfet siġra tal-Milied fi Pjazza Ħelsien quddiem il-bini tal-Parlament bħala parti mill-inizjattiva tagħha f’dak li għandu x’jaqsam mat-tiżjin tal-Milied fit-toroq tal-Belt Valletta.

Is-siġra, li hi twila 12-il-metru, ġiet imżejna b’iktar minn 5,000 bozza LED li se jkunu mixgħula tul żmien il-Milied. Apparti s-siġra tal-Milied, il-VCA flimkien mal-komunità tal-Belt u l-għaqdiet kummerċjali, ħadet ħsieb li jinxtegħlu Triq ir-Repubblika u Triq il-Merkanti, Triq l-Arċisqof u Strada Stretta kollha. Din is-sena, id-dekorazzjonijiet saru mid-ditta Metalux li hija magħrufa għad-disinji bid-dwal f’Via del Corso f’Ruma.

Il-Ministru José Herrera qal li “Waqt dawn ix-xhur ta’ limitazzjonijiet b’riżultat tal-pandemija, għażilna li ndawlu l-Belt fi sforz sabiex inqawwu l-ispirtu tal-Milied fejn il-pubbliku inġenerali jista’ jgawdi t-toroq imdawla filwaqt li jimxi mad-direzzjonijiet maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.”

Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li, “Minħabba r-restrizzjonijiet ta’ Covid 19, il-programm Christmas in the City din is-sena bbaża ħafna aktar fuq attrazzjonijiet tad-dawl fejn ġew inklużi aktar toroq u fit-8 ta’ Diċembru ser issir il-mixgħela tal-faċċati kollha ta’ Pjazza San Ġorġ permezz ta’ proġezzjonijiet tal-Milied”.

Fil-25 ta’ Novembru, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ser tkun qed ittellà wkoll l-Presepju f’Pjazza de Valette.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com