“Wara T-Tieġ Qalli Li Ried Imur Fuq il-Qabar Ta’ Kristu U Floki Ħa l-Partner Tel Aviv” – Mart Jason Azzopardi
Żvolta ġdida dwar il-mawra li d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi għamel f’lukanda lussuża f’Tel Aviv f’Lulju tal-2017 u li tħallsitlu mill-Grupp Tumas.
F’post fuq Facebook, il-mara ta’ Jason Azzopardi għamlet referenza għar-rapporti fil-gazzetti fejn żewġha ġie rrapportat jgħid li mar Tel Aviv għax kien mistieden tieġ f’Lulju 2017.
Marica Azzopardi Balzan qalet li dan jista’ jkun li kellu tieġ ieħor f’Tel Aviv iżda hi tista’ tikkonferma li f’Marzu tal-2017, jiġifieri meta kienu għadu jgħix magħha, kienu mistiedna għat-tieġ tat-tifla tar-Rabbi f’Tel Aviv.
Qalet li dan ir-Rabbi, ir-raġel tagħha Jason Azzopardi sar jafu meta mar delegazzjoni f’Tel Aviv meta kien Ministru.
“Għal dan it-tieġ ta’ Marzu 2017, jien kont mistiedna wkoll għaliex l-invit tat-tieġ ġie għandi d-dar. Iżda r-raġel tiegħi ried li jmur waħdu għal dan it-tieġ għaliex qalli li wara t-tieġ kien sejjer Ġerusalem u se jagħmel lejl fuq il-qabar ta’ Kristu, għaliex għandu bżonn joqgħod ftit waħdu”, qalet is-Sinjura Azzopardi.
Hija żiedet tgħid li Jazon Azzopardi mar it-tieġ f’Tel Aviv u anke Ġerusalem fuq il-qabar ta’ Kristu.
“Meta ġie lura d-dar, xi jiem wara skoprejt li tieġ ma marx waħdu, iżda ħa lill-partner preżenti miegħu floki”, qalet mart Azzopardi.
Hija kompliet tgħid li baqa’ magħha d-dar għall-kampanja elettorali u wara l-elezzjoni ta’ Ġunju 2017, telaq mid-dar matrimonjali.
“Dan jiena qed ngħidu biex nirrispondi li dawk kollha li lbieraħ ċempluli u staqsewni jekk kienx l-istess tieġ li ma ħadniex miegħu u ħafna affarijiet oħra”, temmet tgħid is-Sinjura Azzopardi.