Żewġ Gruppi Ta’ Immigranti RRilokati Minn Malta Lejn Il-Finlandja U R-Rumanija
Fil-jiemli għaddew saru żewġ eżerċizzji oħra ta’ rilokazzjoni ta’ immigranti minn Malta lejn stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea. Żewġ gruppi ta’ immigranti ġew trasferiti lejn il-Finlandja u r-Rumanija sabiex ikomplu bil-proċess tal-ażil tagħhom f’dawn il-pajjiżi.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali qal li dawn ir-rilokazzjonijiet saru wara t-talbiet ta’ Malta għal tqassim tar-responsabbiltà tal-immigrazzjoni irregolari u b’kordinament sħiħ mal-Kummissjoni Ewropea. Il-ħidma fuq dawn l-inizjattivi saret minn uffiċjali tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi flimkien mal-kontropartijiet tagħhom mill-istati membri l-oħra.
Il-Ministeru żied jgħid li aktar immigranti huma maħsuba li jħallu Malta lejn stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea sa tmiem l-2020. Din il-ħidma tikkumplimenta inizjattivi li qed jieħu l-gvern fil-qasam tal-immigrazzjoni irregolari, l-aktar biex jonqsu l-wasliet ta’ immigranti irregolari f’pajjiżna. Il-Ministeru qal ukoll li beda jaħdem fuq it-twaqqif ta’ unit iffokat fuq ir-ritorn ta’ immigranti irregolari hekk kif imħabbar fil-Baġit 2021.
Żied li l-preparamenti involvew ukoll l-assistenza tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni (IOM) u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Ażil (EASO). It-trasferimenti tal-immigranti u l-preparazzjoni meħtieġa ġew kofinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea mill-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni (AMIF).