Artisti Tal-Ispettaklu Se Jieħdu Suppliment Sħiħ Tal-Paga Minn Novembru

 Artisti Tal-Ispettaklu Se Jieħdu Suppliment Sħiħ Tal-Paga Minn Novembru

Artisti tal-ispettaklu, kumpaniji, impjegati u self-employed fl-industrija tal-ispettaklu se jkunu qed jirċievu s-suppliment tal-paga sħiħ (Anness A) datat lura minn Novembru.

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli flimkien mal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali ħadu din id-deċiżjoni wara diversi diskussjonijiet mal-istakeholders fl-industrija tal-performing arts.

Filwaqt li s-settur tal-performing arts ma twaqqafx għalkollox, ir-restrizzjonijiet fuq avvenimenti pubbliċi u laqgħat tal-massa kellhom impatt negattiv ħafna fuq l-artisti, li ma setgħux jipparteċipaw fi produzzjonijiet u wirjiet. Mit-tneħħija tar-restrizzjonijiet f’Ġunju, l-artisti kienu qed jingħataw suppliment tal-paga taħt l-Anness C (€600 fix-xahar).

B’din id-deċiżjoni, is-settur NACE 90.01 Performing Arts, se jaqa’ taħt l-Anness A. Dan ifisser li l-artisti fis-settur issa se jkunu intitolati għal €800 fix-xahar, bħal ħaddiema oħra f’setturi vulnerabbli f’dan il-mument. Is-suppliment tal-paga se jingħata b’lura, mill-bidu ta’ Novembru.

Il-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli qalet li s-sostenn tal-artisti fi żmien ta’ kriżi huwa kruċjali mhux biss għall-artisti nfushom iżda wkoll għall-benesseri tas-soċjetà. “L-artisti huma parti minn negozju u l-komunità intraprenditorjali tagħna u napprezzaw il-kontribut tagħhom lejn l-arti u s-soċjetà in ġenerali.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera saħaq li l-irkupru tas-setturi kulturali u kreattivi qed jingħata l-importanza misthoqqa mill-Gvern u dan permezz ta’ sensiela ta’ inizjattivi u azzjonijiet sinifikanti.

Il-Covid Wage Supplement kienet miżura strumentali implimentata mill-Gvern biex jgħin u jsalva eluf ta’ impjiegi inklużi dawk f’dawn l-industriji. “L-aġġustament li qed jitħabbar illum, huwa pass ieħor sinifikanti li ttieħed għal futur aktar sostenibbli u vijabbli tal-industrija” innota l-Ministru Herrera filwaqt li rrimarka li din l-aħbar issegwi impenn ieħor importanti magħmul mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali fejn għas-sena d-dieħla ser ikun hemm allokazzjoni ta’ finanzjament dirett ta’ € 6 miljun li ser ikun disponibbli bħala parti minn pjan estensiv ta’ rkupru.

Il-Malta Enterprise, l-entità fdata bl-amministrazzjoni tal-iskema tas-suppliment tal-paga, se tkun qed tħallas is-suppliment tal-paga addizzjonali lill-artisti minn Novembru fis-suppliment tal-paga ta’ Diċembru.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com