Bil-Filmat: Kanzunetta Li Nħadmet Volontarjament B’Riżq Id-Dar Tal-Providenza
Jien u Int Flimkien, kliem ta’ Rita Pace; kanzunetta b’għan li tgħin biex jinġabru fondi għad-Dar Tal-Providenza. L-idea nibtet waqt il-lockdown meta Adrian, missier il-kantanta Amber Grace, iddeċieda li flimkien mal-awtriċi Rita Pace u l-kompożitur u producer Marco Debono, tinħoloq kanzunetta ghal dan l-iskop.
Huwa avviċina lill-kantawtriċi biex takkompanja lil Amber bħala kantanta u b’hekk twieled dan id-dwett. L-idea hi li din id-dar teħtieġ fondi kbar is-sena kollha mhux biss fil-festi biex tkun tista’ tagħmel ix-xogħol tagħha mar-residenti. Il-kanzunetta appuntu tħeġġeġ lis-semmiegħ biex jgħin għax dan huwa dmir u missjoni ta’ kulħadd.
Għalkemm iż-żmien huwa diffiċli minħabba l-pandemija, ix-xogħol ma’ ħutna r-residenti jrid jibqa’ għaddej. Kulħadd ħadem b’mod volontarju inkluż John McKay li offra bi ħġaru li jiġbed u jeditja il-vidjo ta’ din il-kanzunetta. It-tim sab għajnuna kbira wkoll minghand is-Sur Dominic Grech, is-Sindku tas-Siġġiewi li appoġġja dan il-proġett u minn Fr Martin li ta aċċess biex jiġu ffilmjati xeni fid-Dar tal-Providenza stess.
Il-vidjo se jinkludi wkoll linja tat-telefon li tilqa’ l-għotjiet ta’ min jarah u jixtieq jagħti għal din il-kawża ġusta.