Duncan Micallef Elett President Ġdid Ta’ Malta Motorsport Federation

 Duncan Micallef Elett President Ġdid Ta’ Malta Motorsport Federation

Ilbieraħ il-Malta Motorsport Federation organizzat il-laqgħa ġenerali annwali tagħha fejn l-aġenda kienet tinkludi l-elezzjonijiet ta’ tliet karigi fil-kunsill amministrattiv tal-istess federazzjoni: President, Viċi President u Viċi Segretarju.

Iċ-Champion Ewropew tat-’Top Fuel Drag Racing 2017’ Duncan Micallef ġie elett bħala l-President il-ġdid biex b’hekk laħaq flok Tonio Cini li mexxa l-federazzjoni għall-aħħar 12-il sena konsekuttiva. Cini ddeċieda li ma jikkontestax.

Id-delegat sportiv tal-federazzjonijiet u eks Viċi President is-Sur William England, jerġa’ jkun elett bħala Viċi President fejn diġà kien serva f’din il-kariga għal 3 snin. 

Is-Segretarju Ġenerali ta’ ‘Old Motors Club Malta’ s-Sur Oliver Attard ma kienx ikkontestat għall-kariga ta’ Viċi Segretarju. Attard serva bħala Segretarju Ġenerali tal-istess Federazzjoni għal 6 snin. 

Fl-ewwel diskors tiegħu bħala president, Micallef irringrazzja lil Tonio Cini għas-servizz tiegħu lill-MMF għal dawn l-aħħar 12-il sena, kif ukoll lil dawk kollha li għenuh matul il-presidenza tiegħu.

Micallef qal li wara dawn il-bidliet, il-federazzjoni għandha tibbenefika minn aktar riżorsi biex tindirizza l-ħafna sfidi li jiffaċċjaw il-klabbs, is-sewwieqa u d-dilettanti kollha.

Waħda mill-ewwel miri għall-presidenza tiegħu hija li tara aktar dilettanti jersqu ‘l quddiem u jgħinu lill-federazzjoni biex tgħin lill-klabbs ikabbru l-isport tagħhom.

 

Amministrazzjoni MMF:

President | Duncan Micallef, Viċi President | William England, Segretarju Ġenerali | Susanne Fenech, Viċi Segretarju | Oliver Attard, Teżorier | Ruben Galea.

 

It-tim ta’ StradaRjali.com jawgura ħidma fejjieda lil dan il-kumitat il-ġdid ta’ Malta Motorsport Federation.

 

Ritratti: https://motorstv.mt

Abraham Abela

https://www.stradarjali.com

Abraham għandu iktar minn 8 snin esperjenza fil-ġurnaliżmu u l-komunikazzjoni. Iħobb ħafna s-safar, speċjalment f’pajjizi lil hinn mill-Ewropa. Għandu interess partikolari fl-isports, it-teknologija u l-ġrajjiet kurrenti.