Il-Gvern Iwieġeb Lil Omtzigt – Isostni Li R-Riżoluzzjoni Ma Tagħtix Stampa Ċara Tal-Ħidma Mwettqa

 Il-Gvern Iwieġeb Lil Omtzigt – Isostni Li R-Riżoluzzjoni Ma Tagħtix Stampa Ċara Tal-Ħidma Mwettqa

Il-Gvern Malti nnota l-opinjoni ta’ Pieter Omtzigt dwar Malta fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u qal li r-reżoluzzjoni li ressaq ma tagħtix stampa ċara tal-ħidma mwettqa minn dan il-Gvern.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li tul il-perjodu li s-Sur Omtzigt għamel rapporteur, il-Gvern Malti żamm kuntatt regolari miegħu b’aġġornamenti kontinwi fuq is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt f’Malta.

Fakkar li fl-aħħar xhur, l-amministrazzjoni mmexxija mill-Prim Ministru Robert Abela, wettqet riformi kostituzzjoni u istituzzjonali bla preċedent. Qal li dawn ir-riformi ġew imfaħħra mill-Kummissjoni Venezja fi ħdan l-istess Kunsill tal-Ewropa u mill-Kummissjoni Ewropea.

Dan wara li saru emendi fil-kostituzzjoni u liġijiet ohra li għaddew b’vot parlamentari unanimu.

Ewlenin fost dawn semma ż-żewġ emendi kostituzzjonali importanti dwar il-mod li bih jinħatru l-President tar-Repubblika u l-Prim Imħallef, biex b’hekk il-ħatra ta’ dawn iż-żewġ karigi, li huma pilastri tad-demokrazija, issa jeħtieġu l-vot ta’ żewġ terzi tal-voti parlamentari.

Dan il-proċess wassal ukoll għal bdil fil-mod li bih jinħatru l-Imħallfin u l-Maġistrati, flimkien ma’ bidla kostituzzjonali fid-dixxiplina tal-istess membri tal-Ġudikatura, li issa m’għadhiex taħt l-iskrutinju Parlamentari iżda taħt l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

Saru wkoll riformi importanti fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali wara li anke saret il-qasma fl-istess uffiċċju bil-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat. Dan flimkien mat-tisħiħ fil-Kummissjoni Permanenti ta’ Kontra l-Korruzzjoni, tal-Ombudsman u tal-Awditur Ġenerali.

Fl-aħħar xhur, għall-ewwel darba, l-Kummissarju tal-Pulizija inħatar wara sejħa pubblika bi process immexxi mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u proċess ta’ skrutinju mill-Parlament Malti. Ta’ min jinnota wkoll illi riċentetment il-ħidma tal-Pulizija Maltija ġiet rikonoxxuta minn entitajiet internazzjonali u pajjiżi oħra bħal Istati Uniti.

Il-Gvern Malti tenna li dan kollu mhux il-punt tal-wasla, iżda huwa bażi soda għal riformi oħra li għad iridu jsiru permezz tal-Konvenzzjoni Kostituzzjonali li qed imexxi l-President ta’ Malta.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com