Il-Ħitan Tal-Ħabs Jiħdaru Bi Ġnien Vertikali Ġdid

 Il-Ħitan Tal-Ħabs Jiħdaru Bi Ġnien Vertikali Ġdid

Il-komunità ta’ Raħal Ġdid ibbenefikat minn investiment ta’ €30,000 minn Ambjent Malta għall-iżvilupp ta’ ġnien vertikali fuq il-ħajt tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Dan ħabbru l-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia filwaqt li spjega li l-Gvern kompla bil-ħidma fuq numru ta’ ġonna vertikali madwar il-pajjiż. “Dan qed nagħmluh permezz ta’ investiment qawwi biex inħaddru l-postijiet fejn il-familji Maltin u Għawdxin jgħixu u jaħdmu,” stqarr Farrugia.

Il-Ministru spjega li l-Forum Konsultattiv għall-Ippjanar Intelliġenti, li twaqqaf minnu, ipprepara studju fuq il-green walls u l-green roofs li stabilixxa numru ta’ benefiċċji li dawn jistgħu joffru lil pajjiżna, fosthom li jtejbu l-kwalità tal-arja, inaqqsu l-ħsejjes, iservu ta’ abitat għal pollinaturi u jnaqqsu t-temperaturi fiż-żoni urbani. Apparti minn hekk, huwa spjega kif interventi bħal dawn isebbħu t-toroq tagħna, jippurifikaw l-arja fl-iktar żoni urbani ta’ pajjiżna u b’hekk jipprovdu ambjent aħjar għal komunitajiet li jgawduhom.

Fil-każ ta’ dan il-proġett, il-komunità ta’ Raħal Ġdid ibbenefikat minn assistenza teknika u skema ta’ fondi li kienu immirati sabiex isebbħu żoni urbani u jżiedu l-kapital ambjentali f’din il-lokalità.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com