Il-KE B’Żewġ Avviżi Formali Dwar Il-Kaċċa – Il-Gvern Konvint Li D-Derogi Skont Il-Liġi Tal-UE
Il-Gvern qal li ħa nota taż-żewġ ittri ta’ avviż formali mibgħuta mill-Kummissjoni Ewropea dwar id-deroga għall-għanijiet tar-riċerka u t-tagħlim fir-rigward tal-għasafar tal-għana u dwar is-sistema ta’ infurzar u derogi b’rabta mad-Direttiva dwar l-Għasafar.
Fi stqarrija, il-gvern qal li filwaqt li se jkun qiegħed iwieġeb fiż-żmien stipulat, huwa kommess li jibqa’ jiddefendi l-interessi tal-kaċċaturi u tan-nassaba Maltin u Għawdxin biex jiġu protetti d-drittijiet tagħhom kif inhuma mħarsin f’diversi stati membri oħra Ewropej.
Il-gvern sostna li huwa konvint li d-derogi applikati huma konformi mal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea dwar l-għasafar u fost is-salvagwardji eżistenti hemm sistema ta’ infurzar ogħla minn dik li kienet talbet il-Kummissjoni stess.
Qal li fuq l-insib tal-pluviera u tal-malvizz, kienet il-Kummissjoni Ewropea stess li talbet emendi fil-qafas legali biex jiġi konformi mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fuq l-insib tal-għasafar tal-għana.
Il-gvern fakkar ukoll li kienet il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea stess fl-2009 li ddikjarat li, fil-każ ta’ Malta, m’hemmx soluzzjoni oħra għall-kaċċa tal-gamiema u tas-summiena f’Malta.
F’Novembru 2019, il-Kummissjoni Ewropea saħansitra talbet lil Malta tanalizza f’aktar dettall il-popolazzjoni ta’ referenza taż-żewġ speċi u sussegwentament il-Kumitat Ornis kien qabel unanimament li dan il-proġett ta’ riċerka fuq il-pluviera u l-malvizz għandu jsir.
Il-Gvern Malti temm jgħid li huwa kommess li jkompli jiddiskuti mal-Kummissjoni Ewropea sabiex jiġu ċċarati d-diversi diverġenzi filwaqt li jkun protett id-delizzju tradizzjonali tal-kaċċaturi u tan-nassaba b’rispett sħiħ lejn il-liġijiet u kontra l-abbuż.